Saturday, August 22, 2026
Home Internazzjonali Turist Żvizzeru jintbagħat il-ħabs talli insulta l-jum sagru f’Bali 

Turist Żvizzeru jintbagħat il-ħabs talli insulta l-jum sagru f’Bali 

0
58

Turist Żvizzeru kien ikkundannat sena ħabs talli insulta avveniment reliġjuż sagru fil-gżira ta’ Bali fl-Indoneżja. 

F’filmat ippubblikat li iżda mbagħad tneħħa, Luzian Andrin Zgraggen ta’ 26 sena kien iffilmja lilu nnifsu miexi fuq bajja vojta matul il-festa hindu ta’ Nyepi u ddeskriva x-xena bħala “tal-ġenn”.

Huwa kien arrestat f’Marzu wara li l-filmat qajjem rabja kbira fost iċ-ċittadini ta’ Bali fuq il-midja soċjali.

Nyepi, magħrufa wkoll bħala Jum is-Silenzju, hi festa annwali li matulha din il-gżira turistika, li normalment tkun mimlija attività, tikkalma kompletament, hekk kif in-nies jibqgħu fi djarhom u jevitaw milli jagħmlu ħsejjes qawwija. 

Ir-restrizzjonijiet japplikaw ukoll għal kulħadd fuq din il-gżira, irrispettivament mir-reliġjon, inklużi t-turisti. 

Matul Nyepi, l-ajruport ta’ din il-gżira jingħalaq u jinqata’ wkoll l-aċċess għall-internet.

L-avvenimenti ta’ divertiment huma ristretti u anke l-użu tal-elettriku huwa skoraġġut.

Ir-residenti tipikament jaħżnu l-ikel qabel Nyepi sabiex ikunu jistgħu jibqgħu d-dar matul il-vaganzi.

Skont ma ġie rrapportat, waqt Nyepi, li nzertat fid-19 ta’ Marzu ta’ din is-sena, Zgraggen iffilmja lilu nnifsu jikser il-projbizzjoni li joħroġ barra, f’post fuq Instagram li kien fih ukoll kliem oxxen. 

“Dak li għamel l-imputat offenda lill-poplu ta’ Bali, weġġa’ l-fidi tagħhom u pprovoka rabja pubblika,” qal l-Imħallef li kien qed jippresjedi fuq il-każ, skont l-Associated Press.

Zgraggen qal waqt il-proċess tiegħu li ma fehemx il-firxa tar-restrizzjonijiet ta’ Nyepi u ma kellux l-intenzjoni li jinsulta lill-poplu ta’ Bali.  Huwa talab ukoll skuża ta’ għemilu. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here