Saturday, August 22, 2026
Home Fehmietna Is-CPD b’solidarjetà ma’ pajjiżi oħrajn

Is-CPD b’solidarjetà ma’ pajjiżi oħrajn

0
60

Il-valuri tal-ġenerożità u s-solidarjetà kienu, għadhom u se jibqgħu elementi li jiddistingwuna bħala poplu. Minkejja ċ-ċokon tiegħu, pajjiżna mhux l-ewwel darba li serva ta’ eżempju fejn jidħlu episodji u ġrajjiet fuq livell internazzjonali li kienu jeħtieġu azzjoni. 

Minbarra d-diversi maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien u li l-poplu jikkonkorri bi ħġaru biex jgħin, hemm ukoll aspetti oħra li wieħed ma jridx jinsa. Fost l-oħrajn hemm il-kontribut li Malta tagħti lil pajjiżi oħra li jkunu milquta sfaw milquta minn terremoti jew li jkunu qed jaffaċċjaw nirien kbar fost oħrajn. 

Nemmnu li fejn jidħlu dawn l-esperjenzi, pajjiżna qiegħed jieħu deċiżjonijiet tajbin u ta’ kuxjenza fejn filwaqt li f’dak li jirrigwardja kunflitti internazzjonali, kien ċar kristall fejn tidħol in-newtralità, m’għalaqx għajnejh quddiem is-sofferenzi u filwaqt li kkundanna r-riperkussjonijiet ta’ dan il-ġlied fuq il-vittmi kollha, irrilevanti mil-liema fruntiera huma, offra l-għajnuna umanitarja tiegħu bil-limitazzjonijiet tagħna. 

Dan l-aħħar ukoll pajjiżna bagħat żewġ gruppi ta’ pumpiera biex jassistu fl-operazzjonijiet ta’ tifi tan-nar fil-Portugall. Dan bħala parti mill-programm Ewropew tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu, bosta pumpiera minn diversi pajjiżi Ewropej jiġu stazzjonati f’żoni meqjusa bħala ta’ riskju għal nirien fil-beraħ. 

Nemmnu li din il-ħidma barra minn xtutna mhix biss turija ta’ ġenerożità imma hi esperjenza għal dawn l-istess uffiċjali involuti fejn jitgħallmu ħafna minnha. Fl-istess waqt irridu nirrikonoxxu li dan hu xogħol li qed jagħmluh waqt li jinsabu ’l bogħod mill-familjari tagħhom, b’dawn tal-aħħar ikunu qed jistennew b’ħerqa r-ritorn tal-għeżież tagħhom f’pajjiżna. 

Fuq kollox dawn huma esperjenzi importanti u nħarsu ’l quddiem li aktar uffiċjali jkomplu jingħataw opportunitajiet bħal dawn sabiex ikunu mħejjija għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here