Minkejja n-nuqqasijiet li sabet l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li ġiet ippubblikata u diskussa fil-Parlament l-Erbgħa li għadda, b’danakollu, kien hemm mill-awtoritajiet li jagħmel l-almu kollu tiegħu biex il-ħajja taż-żagħżugħ ta’ 20 sena tiġi salvata.
Tant li l-ħidma tal-Protezzjoni Ċvili ġiet imfaħħra saħansitra mill-Bord li mexxa l-inkjesta, li sostna li kull imputazzjoni – diretta jew indiretta – ta’ nuqqas ta’ xi xorta lin-nies tal-Protezzjoni Ċvili għandha tkun skartata u eskluża taħt kull regola ta’ ħtija ċivili jew kriminali.
Din l-inkjesta ma kinitx l-uniku okkażjoni fejn il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċvili ġew imfaħħra għax-xogħol skabruż, xi kultant b’riskju għal ħajjithom, li huma jwettqu fid-dmirijiet tagħhom.
Għalhekk, flimkien mal-investiment li l-Gvern qed jagħmel fir-rigward tal-korpi dixxiplinati, il-Protezzjoni Ċvili għandu jingħata attenzjoni partikolari. Dan għaliex ikunu l-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment li f’każi ta’ emerġenza jidħlu huma biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies ċivili.
Aħna naqblu ma’ dak li ntqal fl-inkjesta illi kull tagħmir ta’ protezzjoni ċivili adattat għal diżgrazzji estensivi għandu jkun disponibbli dejjem għaliex il-ħajja m’għandhiex prezz.
Nemmnu li dan m’għandux jgħodd biss għas-settur tal-kostruzzjoni imma għal kwalunkwe settur ieħor industrijali. Għaliex in-nies iweġġgħu wkoll waqt xogħolhom fil-fabbriki u f’postijiet oħra tax-xogħol.
Għalhekk ukoll nemmnu li l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għandha tibqa’ tkun viġilanti u anke tuża l-poter tagħha biex twaqqaf xogħlijiet li jkunu qed jippreżentaw riskju evidenti għas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiem.
Hawn ukoll nemmnu li jeħtieġ jibqa’ jkun hemm investiment u taħriġ biex dawk responsabbli mill-infurzar ikollhom is-saħħa illi jintervjenu fil-waqt u fil-mument propizju.
Pajjiżna, minkejja l-avvanzi li saru, għad jonqsu ħafna x’jitgħallem u jimplimenta. Minkejja l-isfidi kbar li dan iġib miegħu m’għandniex naqtgħu qalbna jew nabdikaw milli nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-inċidenti u aktar agħar l-imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol jonqsu drastikament, ladarba huwa impossibbli li dawn l-inċidenti fatali nevitawhom għalkollox.
F’dan kollu jeħtieġ ir-responsabbilta’ ta’ kulħadd. Dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu bil-kliem biss, imma bl-azzjoni f’waqtha.