Sunday, December 22, 2024

IL-ĦALA

Aqra wkoll

Id-diskors dwar il-ħala fit-tmexxija tal-pajjiż hu wieħed politiku imma m’għandux jitħalla jkun biss hekk. Il-mistoqsijiet dwar jekk enti hijiex tagħmel biżżejjed bir-riżorsi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha jew jekk tistax tikseb riżultati aħjar anke billi tonfoq anqas imma b’mod differenti milli qed tagħmel jgħoddu għal kwalunkwe organizzazzjoni, min-negozju sal-għaqdiet tal-volontarjat. 

Hi ħaġa sew li tinżamm sorvelja regolari dwar it-tmexxija tal-enti biex il-ħala u l-użu inadekwat tar-riżorsi jiġu mrażżna u mneħħija. Hu għalhekk li l-ħidma ta’ awditur meta titwassal sal-punt fejn jiġu analizzati mhux biss il-korrettezza tar-rendikonti finanzjarji, imma  anke l-arranġamenti amministrattivi fit-tmexxija ta’ spiss huma tal-akbar valur.

Dejjem fhimt li għandha tingħata l-aqwa importanza lix-xogħol tal-awditur. Xejn ma togħġobni l-attitudni ta’ gvern ikun liema jkun meta jinjora jew imaqdar ir-rapporti li jħejju l-Awditur Ġenerali u l-uffiċċju tiegħu dwar aspetti tat-tmexxija fl-amministrazzjoni publika.

IL-LEMIN JIDDOMINA

Ir-realtà hi li x-xenarju politiku Ewropew qed jispiċċa dejjem aktar taħt l-influwenza (jew dominanza) tal-lemin u ċ-ċentru-lemin. 

Fil-Parlament Ewropew is-soċjalisti, ix-xellug u l-ħodor tilfu s-siġġijiet, il-Popolari żiduhom. L-aqwa rwoli fit-tmexxija Ewropea qed jeħduhom għal darba wara l-oħra rappreżentanti tal-lemin. Sadattant, il-gvernijiet fil-maġġoranza tagħhom ukoll qed ixaqilbu lejn dik in-naħa.

Li għadni nsib “stramb” f’dil-biċċa hu kif ix-xellug u ċ-ċentru xellug donnhom irrassenjati dwarha. Ma’ kull elezzjoni Ewropea li  tasal  iqumu biżgħat dwar il-lemin estrem u t-theddida li jpoġġi għad-demokrazija.  Jirriżulta li l-avvanzi tal-lemin estrem ma jkunux daqstant kbar; biss dejjem donnhom ikunu saru għad-dannu tax-xellug.

INTERVENTI POSPOSTI

Fl-elezzjoni ġenerali Ingliża, waħda mill-kwistjonijiet li xegħlet il-kontroversja kellha x’taqsam mat-tmexxija tas-servizz nazzjonali tas-saħħa. Dan hu kkritikat għax mhuwiex ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-poplu. Fl-isptarijiet u l-kliniċi il-kjus huma twal ħafna, l-appuntamenti mediċi jingħataw għal data wisq bogħod u ta’ spiss, interventi mediċi jiġu mwaddba lura bla kliem u bla sliem. 

Ilmenti bħal dawn nagħrfuhom għax isiru f’Malta wkoll. Filfatt, jitqajmu mal-Ewropa kollha. Għalkemm għandu jkun hemm urġenza biex dil-problema tiġi ffaċċjata u maħlula, kważi l-ebda gvern mhu jirnexxilu.

Uħud qed iħallu lis-suq privat jidħol bil-kbir f’dal-qasam biex b’xi mod iwitti l-problemi. L-agħar li qed jaqilgħuha huma l-familji bi dħul baxx u medju imma l-kwistjoni kollha bdiet fl-aħħar ikollha konsegwenzi elettorali.

Matul wisq snin, is-servizzi soċjali indirizzati lejn is-saħħa tħallew nieqsa minn ħidma serja maħsuba biex taġġornahom skont kif jevolvu l-ħteġiet tas-soċjetà. Tħallew nieqsa minn investment meħtieġ u ġew indokrati b’anqas galbu milli jixirqilhom. Dwar dan, gvernijiet tal-lemin u tax-xellug urew l-istess indifferenza.

Ekonomija

Sport