Saturday, December 21, 2024

Il-holders MFPA jibdew l-impenji staġjonali b’rebħa tajba

Aqra wkoll

Il-holders MFPA bdew l-impenji tagħhom fid-David Cluett Memorial Cup bl-aqwa mod possibbli meta għelbu lit-tim il-ġdid ta’ Floriana Veterans 6-2.

Is-solitu Aleksandar Ribic kien awtur ta’ doppjetta personali filwaqt li George Frendo, Julian Galea, Thomas Paris u Jonathan Bondin żiedu aktar gowls għall-Malta Football Players Association.

Il-Furjaniżi kellhom lil Gilbert Scerri li skorja doppjetta personali.

Rabat kisbu rebħa tajba ta’ 6-2 fuq Żejtun Red Stars sabiex għaddew għall-fażi tal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni.

Protagonisti għar-Rabtin kienu l-akkwist il-ġdid Melvin Borg, Ibrahim Tarek u Timothy Zammit li skorjaw doppjetta kull wieħed.

Żejtun Red Stars naqqsu l-marġni tal-iskor b’doppjetta ta’ Noel Tabone.

Gżira United irreġistraw l-ikbar rebħa tal-ġurnata wara skor ta’ 11-1 kontra Hibernians.

Jean Pierre Mifsud Triganza kien il-protagonista għall-Maroons meta skorja erba’ gowls, b’Ian Zammit jiskorja tripletta. Arthur Oyama kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Kevin Sammut u Daniel Mariano Bueno għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Ilia Nazarov skorja l-uniku gowl għall-Pawlisti.

Tliet gowls ta’ Firaz Aboulezz u gowl ieħor ta’ Bojan Kaljevic kienu biżżejjed għal Birkirkara St Helen’s sabiex jirbħu lil Żurrieq Wolves 4-1. Għal dawn tal-aħħar Kevin Vella naqqas il-marġni tal-iskor.

Ekonomija

Sport