Wednesday, May 7, 2025

Il-ħsieb tiegħi għall-futur dejjem kien u ħa jkun li nilgħab fil-Malta Premier – Kierin Ellul

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira. Il-familja tiegħi mimlija b’nies li għandhom passjoni lejn il-logħba tal-futbol u b’hekk spiċċajt inħobb il- futbol ukoll. Apparti minn hekk kelli ħafna kowċis li minn ta’ etá żgħira ħadu paċenzja bija u ssapportjaw it-talent tiegħi fosthom il-kowċ Joseph Sammut li sfortunatament m’għadux magħna.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Swieqi United FC. 

L-esperjenza tiegħi ma’ Swieqi United FC kienet waħda pożitiva ħafna fejn jiena kelli ċ-ċans biex nuri x’kapaċi nagħmel mat-tim tal-Minors kif ukoll fid-debutt tiegħi mat-tim tal-kbar. Din għenitni bis-sħiħ nevalwa l-logħba tal-ballun. Avolja bħala klabb ma lħaqniex it-tragwardi kollha tagħna, xorta waħda rnexxielna niksbu promozzjoni għal Sezztion A mat-tim tal-Minors.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda, fejn għal ftit ma ksibtux il-promozzjoni għall-Malta Premier?

L-andament kien li Swieqi United FC kien tim li ta sfida denja lil kulħadd. B’hekk it-tim mexa logħba b’logħba. Kif semmejt l-ewwel, għalkemm ma ġejniex promossi t-tim xorta kellu staġun tajjeb hafna u li wieħed jista’ jirrifletti fuqu. 

U fuq l-eks kowċ ta Swieqi United FC, Pablo Doffo?

Il-kowċ Pablo Doffo huwa kowċ kapaċissmu. Il-professjonalitá tiegħu ġewwa u barra l-pitch kienet ta’ eżempju tajjeb għal kull wieħed minna. Huwa tip ta’ kowċ li jidħol ħafna fid-dettall u jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ tajbin ħafna. Huwa wera interess fija u tani opportunitá li ma nista’ ninsa qatt u b’hekk nirringrazzjah minn qalbi. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti fil-preżent jista’ jiġi determinat minn ħafna fatturi, peró, huwa fatt li l-plejers li jilagħbu fil-kampjonat Malti qed jagħtu wirja kbira lill- ispettaturi kollha.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fuq il-livell tal-Minors speċjalment f’Sezzjoni B, wieħed jista’ jagħmel lista kbira biex jilmenta fuq dan is-suġġett peró meta ssemmi l-livell tal-Minors Sezzjoni A u l-kbar wieħed jista’ jgħid li kull sena qed ikun hemm xi tip ta’ progress.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-ħsieb tiegħi għall-futur dejjem kien u ħa jkun li nilgħab fil-Malta Premier. Ovvjament, dan jigi b’sagrifiċċju u b’xogħol kontinwu. S’issa nħoss li miexi tajjeb. Għaż-żmien li għandi, irnexxieli niddebutta fiċ-Challenge League, u b’hekk nerġa’ nirringrazzja lil Swieqi United FC. Dwar l-aħħar staġun, jien kont b’self ma’ Swieqi United … nistennew x’ħa jiġri u nevalwa l-offerti li jkolli għall-istaġun li ġej. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lil żgħażagħ bħali għandu jkun biex minn ta’ etá żgħira ma jaqtgħux qalbhom u jiffukaw biss fuq il-kapaċitajiet tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport