Sunday, December 22, 2024

IL-ĦTIEĠA TA’ RE-SKILLING U UPSKILLING TAL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Pajjiżna għaddej minn ritmu ekonomiku mgħaġġel li ftit rajna bħalu qabel. Possibilment aktar minn dak mistenni u ċertament aktar minn dak ta’ pajjiżi ġirien tagħna. Ir-riżultati riċenti mħabbra mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s u Fitch Ratings kif ukoll ir-rapporti riċenti fuq Malta mill-Kummisjoni Ewropea huma prova ċara ta’ dan il-progress ekonomiku. 

Però l-pass ekonomiku li pajjiżna qed jesperjenza iġib miegħu sfidi li ma nistgħux ninjorawhom. Sfidi primarjament ta’ riżorsi umani. Sfidi li mhumiex biss ta’ kwantità imma wisq aktar ta’ kwalità. Il-kwalità tal-ħaddiem li llum għandu rwol kardinali f’dan l-iżvilupp ekonomiku. 

U f’dan il-kuntest mhuwiex biss essenzjali il-proċess edukattiv ta’ pajjiżna biex niggarantixxu l-ħaddiem li għandna bżonn llum u li se jkollna bżonn għada imma wisq aktar il-proċess ta’ aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema lokali jew barranin. 

Iva, għax biex inkomplu niggarantixxu prodott ta’ kwalità fis-settur turistiku, fis-settur finanzjarju, fis-settur tal-avjazzjoni u marittimu, fis-settur tal-manifattura kif ukoll fis-settur diġitali u tal-inovazzjoni pajjiżna irid jinvesti f’tahrig aktar agressiv fil-ħaddiema biex ikunu ħaddiema aħjar għada. 

Għalhekk ukoll, is-settur privat m’għandux iħares lejn l-investiment fit-taħriġ tal-ħaddiem bħala xi spiża addizzjonali. Dan huwa proċess essenzjali biex il-ħaddiem verament jimxi pari passu mal-ħtigijiet tal-ekonomija lokali. 

Kien essenzjali u għaqli l-impetu li l-gvern ta lil proċess ta’ upskilling u re-skilling f’dawn l-aħħar baġits tant li kien ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli li aġenziji ta’ krreditu internazzjoinali taw lil pajjiżna. 

Ghaqlija wkoll kienet id-deċiżjoni li ħa l-gvern biex jenfasizza fuq l-edukazzjoni diġitali li ser tghin biex is-soċjetà Maltija verament tkompli tavvanza fil-kapaċitajiet tagħha u biex verament tilħaq il-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. 

Edukazzjoni diġitali immirata li tilhaq lill kulhadd għax tkun aċċesibli għal kulħadd. Mhux lanqas kien importanti l-pass tal-gvern fil-Bagit 2022 meta nieda ċensiment nazzjonali tal-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll introduċa fond ta’ taħriġ li, għall-bidu ser ikun fih €2 miljun iżda mhux eskluz li jiżdied jekk ikun hemm bżonn, biex l-industrija stess tkun tista’ tħarreġ lil ħaddiema bi programmi magħmula minnha. Pero dan kollu mhux bizzejjed.

Huwa essenzjali l-involviment attiv tas-settur privat li jisfrutta opportunitajiet ta’ tahriġ lio jeżistu lokalment u anki barra minn xtutna permezz ta’ programmi bħal Erasmus+. Huwa importanti li s-settur privat ileħħen il-ħsibijiet tiegħu, il-bżonnijiet tiegħu, l-ideat tiegħu. 

Huwa importanti wkoll li assoċazzjonijiet u korpi kostitwiti jgħinu biex verament il-proċess tal-upskilling u reskilling ikun effettiv. Mhux dan biss imma wkoll li fil-proċess inharsu lejn l-aspett kulturali u soċjali tal-ħaddiema barannin biex l-adattament ikun wieħed aktar fluwidu u effettiv. Hekk biss pajjiżna jista’ jiggarantixxi kwalita. Hekk biss pajjiżna jista’ jkompli jħares ‘il quddiem b’fiduċja fiħ innifsu u jkun ċentru ta’ eċċellenza bis-serjeta’.

Ekonomija

Sport