Wednesday, July 24, 2024

Il-jott Geisha ta’ Stefan Debattista tieħu r-rebħa ġenerali fl-RMYC Gozo Weekend

Aqra wkoll

Il-jott Geisha ta’ Stefan Debattista kisbet ir-rebħa ġenerali fir-Royal Malta Yacht Club Gozo Weekend, b’punt wieħed biss jifridha mill-jott Jubatus ta’ Sean Borg, li min-naħa tiegħu kellu distakk ta’ punt biss fuq il-jott ta’ John Cachia West,  Ottovolante.

L-RMYC Gozo Weekend laqat flotta kbira ta’ dgħajjes tat-tlielaq u cruising li ltaqgħu għal programm ta’ tlielaq u attivitajiet soċjali f’Għawdex. L-ewwel tellieqa kienet waħda lejn Għawdex is-Sibt, b’Ottovolante jikseb ir-rebħa. L-aġenda tal-Ħadd kienet tinkludi tiġrija madwar Għawdex, mirbuħa minn Geisha. Nhar it-Tnejn, l-azzjoni kompliet b’tiġrija madwar Filfla, li ntrebħet minn Miame Too ta’ Ralph Landwehr. L-aħħar tellieqa rat il-flotta tirritorna lejn Marsamxett, fejn ir-rebħa kienet issiġillata minn Jubatus.

Fil-Klassi tal-IRC Cruisers, Pippus ta’ David Anastasi kiseb l-ewwel post, b’distakk ta’ punt fuq Inspiration ta’ Godwin Zammit. Janissah ta’ Mario Debono ħadu t-trofew għat-tielet post.

Il-Klassi tal-RMYC Cruisers intrebħet minn Gozo Dream, ta’ Noel Grech, li rebħet tnejn mill-erba’ tiġrijiet. Kira ta’ Gino Cutajar rebħet l-ewwel tiġrija u Cru ta’ Peter Delia tirbaħ it-tielet tiġrija. Il-klassi RMYC Cruising hija mfassla għal dgħajjes li  ma jkunux iffukati fuq tlielaq kompetittivi iżda xorta jridu jgawdu l-esperjenza ma’ dilettanti oħra tal-ibburdjar.

“Il-Gozo Weekend wera li kien avveniment ta’ suċċess, li jgħaqqad kundizzjonijiet tat-temp tajbin li kienu jvarjaw minn 5 sa 20 mil nawtiku fis-siegħa u programm tajjeb soċjali, li kien opportunità perfetta għall-ekwipaġġi biex jissoċjalizzaw fuq l-art” irrimarka Adrian Gauci Borda, Rear Commodore (Sailing) Royal Malta Yacht Club.

It-trofej lir-rebbieħa ġew ippreżentati fir-Royal Malta Yacht Club, fejn il-Club esprima l-apprezzament tiegħu lil Martin Azzopardi u Michelle Caruana li ħadu ħsieb ix-xogħol ta’ Race Management kif ukoll lill-voluntiera kollha li kkontribwew għas-suċċess tal-avveniment.

Il-Club issa qed iħejji ruħu għall-International Yacht Paints Marzamemi Regatta li se ssir bejn it-3 u l-5 ta’ Mejju u se tkun l-ewwel tiġrija offshore tal-Club għall-istaġun 2024.

Ekonomija

Sport