Thursday, October 3, 2024

Mhux inviżibbli: Ħamrun Ħanin u Autism Parents Association b’inizjattiva ta’ għarfien dwar l-awtiżmu

Aqra wkoll

L-awtiżmu huwa realtà li niltaqgħu magħha fil-ħajja ta’ kuljum. Diffiċli tiltaqa’ ma’ xi ħadd li ma jaf l-ebda persuna, fost il-familja tiegħu, kollegi tax-xogħol jew ħbieb b’awtiżmu, realtà li twassal għal sfidi biex din tinterpreta dak li tara, tisma’, ixxomm, ittiegħem jew tmiss.

Għalkemm ma jeżistux ċifri uffiċjali, studji fir-Renju Unit juru li madwar persuna minn kull mija tinsab affetwata minn din il-kundizzjoni, fuq skali differenti. Dan ifisser li anke f’pajjiżna għandna eluf ta’ persuni li jbatu b’awtiżmu.

Filwaqt li llum il-ġurnata sar progress kbir fis-sens ta’ sforzi favur integrazzjoni aħjar fis-soċjetà ta’ persuni b’awtiżmu – kif wara kollox għandu jkun f’soċjetà ċivilizzata – madankollu, huma, u l-familjari tagħhom, għad għandhom sfidi kbar quddiemhom.

Qabel kollox, irridu napprezzaw li l-awtiżmu huwa vjaġġ tul il-ħajja, hija kundizzjoni newroloġika li ma tgħaddix meta persuna toħroġ mut-tfulija tagħha. Filwaqt li l-identifikazzjoni tal-awtiżmu f’età żgħira hija kruċjali biex jiġu indirizzati sfidi fil-fażi kruċjali tal-iżvilupp, fl-età adulta dawn il-persuni xorta jeħtieġu appoġġ tul ħajjithom kollha hekk kif jiltaqgħu ma’ sfidi f’aspetti differenti tal-ħajja ta’ kuljum, fosthom edukazzjoni avvanzata, impjiegi, relazzjonijiet u ħajja indipendenti.

Barra l-bżonn ta’ fondi għal proġetti differenti bħal kmamar multi-sensorjali li huma ta’ wens kbir għal persuni b’awtiżmu, iż-żieda fl-għarfien tagħmel differenza kbir għall-ħajja ta’ persuni b’awtiżmu. Billi naħdmu favur l-għarfien tal-awtiżmu lil hinn mit-tfulija, is-soċjetà tista’ tkun waħda aktar inklussiva u nistgħu noħolqu ambjenti li jakkomodaw aħjar dawn l-individwi. Fl-aħħar mill-aħħar, li nħaddnu kultura aktar aċċessibbli, hija ta’ benefiċċju mhux biss għal persuni b’awtiżmu iżda tagħmel is-soċjetà tagħna waħda aktar sinjura.

Għal dan l-għan, l-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin, li hija wkoll l-id soċjali ta’ Ħamrun Spartans FC, issieħbet mal-Autism Parents Association għall-inizjattiva unika f’pajjiżna, b’mod partikolari fil-qasam sportiv. Ftit tal-jiem ilu, tifel b’awtiżmu, ta’ disa’ snin, iddiżinja flokk verament oriġinali li se jintuża mill-iSpartans fil-partita tal-Kwarti tal-Finali tal-Izibet FA Trophy kontra Birkirkara FC. Il-flokkijiet ta’ din il-logħba qed jiġu rkantati bl-għan li jinġabru fondi għall-istess komunità, jiġifieri dik tal-persuni b’awtiżmu u l-familjari tagħhom, bl-oġġettiv aħħari li tiġi finanzjata kamra multi-sensorjali ġdida fil-Ħamrun. Billi dan il-flokk se jkun intuża darba biss, ċertament li se jkun collector’s item interessanti ferm mhux biss għas-sapporters Ħamruniżi iżda għad-dilettanti kollha sportivi f’pajjiżna. Barra minn dan, ħadna ħsieb ukoll biex noħolqu flokk ċelebrattiv, b’ispirazzjoni mid-diżinn oriġinali ta’ Jacob, għal min jixtieq jagħti donazzjoni żgħira għal dan l-għan.

Barra l-fondi, naturalment din l-attività qed tissensibbilizza aktar il-poplu Malti u Għawdxi dwar l-awtiżmu, hekk kif fit-2 ta’ April, id-dinja tingħaqad flimkien biex tfakkar il-jum iddedikat proprju għal dan l-għan. L-għarfien huwa kruċjali biex inkomplu fil-mixja lejn soċjetà aħjar. Aktar għarfien ifisser aktar riċerka u innovazzjoni fil-kumplessitajiet ta’ din il-kundizzjoni, xi ħaġa li hija kruċjali biex jiġu żviluppati aktar strateġiji, terapiji u sistemi ta’ appoġġ mmirati għall-ħtiġijiet differenti ta’ individwi b’awtiżmu.

Persuni b’awtiżmu huma kapaċi daqs jekk mhux aktar minn ħaddieħor jikkontribwixxu b’mod qawwi lejn is-soċjetà. L-istorja hija mogħnija minn persuni b’awtiżmu li eċċellaw fis-settur tagħhom, fosthom ix-xjentist Albert Einstein, il-matematiku Sir Isaac Newton, l-attur Anthony Hopkins u anke numru ta’ plejers ċelebri mid-dinja sportiva. Huma persuni li kapaċi jiksbu ħafna, iżda rridu nagħtu l-kontribut tagħna biex l-ambjent ta’ madwarna jkun wieħed aktar aċċessibbli, san u sigur biex anke persuni b’awtiżmu jkollhom l-opportunità jimirħu f’ħajjithom.

Din l-inizjattiva timxi id f’id mal-għan aħħari ta’ Ħamrun Ħanin, organizzazzjoni volontarja li twaqqfet bl-għan li tagħmel l-aqwa użu mill-interess kbir għal-logħba tal-ballun f’pajjiżna biex tilħaq għanijiet soċjali fi ħdan il-komunità. Min-naħa l-oħra, għall-klabb Ħamruniż, hija turija tal-importanza li l-klabb jagħti lit-tliet pilastri fundamentali tiegħu, jiġifieri dak sportiv, dak kummerċjali u dak soċjali, b’din l-inizjattiva tkun eżempju perfett ta’ dan it-tielet element.

Aktar minn hekk, din l-attività fissret ukoll teambuilding qawwi kemm intern, bl-involviment tal-plejers, staff tekniku, amministrazzjoni u għadd ta’ voluntiera involuti f’dan il-klabb, iżda wkoll estern bil-kollaborazzjoni mal-istess Autism Parents Association iżda wkoll ma’ bosta entitajiet oħra li għoġbhom jagħtu xi tip ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva tassew unika.

Aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva, li kienet possibbli grazzi wkoll għall-isponsor ewlieni ta’ Ħamrun Ħanin ta’ Alberta Group, hija disponibbli fuq il-paġni soċjali ta’ Ħamrun Ħanin u Autism Parents Association.

L-irkant hu miftuħ hawnhekk: https://app.galabid.com/hhautismday2024/

Sport