Saturday, October 26, 2024

Il-Kabinett japprova qafas ġdid ta’ regolamenti fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kabinett approva qafas ġdid ta’ regolamenti fost oħrajn dak li jirrigwardja l-liċenzjar tal-kuntratturi tal-bini. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti.

Il-Prim Ministru sostna li d-dokument li ġie approvat it-Tlieta li għadda huwa wieħed robust ta’ bidliet leġiżlattivi. Qal li l-Gvern se jkun qiegħed iniedi l-ewwel proposti f’dan ir-rigward fil-jiem li ġejjin. “Se nkunu qed nagħmlu riforma li saret għall-ewwel darba f’dan is-settur.”

Huwa enfasizza li mhu minnu xejn li hemm nuqqas ta’ regolamentazzjoni f’dan is-settur. Qal li 20 sena ilu f’dan il-pajjiż kellna inċident f’San Pawl il-Baħar fejn iġġarrfet binja u mietu żewġ persuni. Bil-qafas ta’ regolamenti ta’ dak iż-żmien, u li kompla jissaħħaħ, kien hemm persuni li nstabu ħatja u marru l-ħabs. “Jekk issaqsini jonqosx nagħmlu iżjed fejn tidħol regolamentazzjoni, ngħidlek li iva,” qal il-Prim Ministru.

Dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru appella lill-Maġistrat inkwerenti li aktar minn tliet xhur wara t-traġedja, wasal iż-żmien li jingħalaq il-proċess verbal. “Għad m’hemm ebda viżibilità meta se tingħalaq l-inkjesta. Il-ġustizzja titlob li naraw nies jitressqu u li jitressaq kull min kien responsabbli,” qal Dr Abela.

Huwa kompla jgħid li inkjesta pubblika tfixkel u mhux tgħin ir-riċerka tal-ġustizzja. “Is-sejħa biex issir inkjesta parallella hi għajta mill-Oppożizzjoni li qed iddaħħal sfiduċja fil-proċess li qed isir mill-maġistrat inkwerenti.

“L-ikbar żball li qed tagħmel l-Oppożizzjoni huwa li qed tipprova ddaħħal il-ħsieb li l-inkjesta maġisterjali ma tistax tidentifika n-nuqqasijiet kollha li wasslu għall-akkadut. Dik mhi minnha xejn,” tenna l-Prim Ministru.

Sport