Wednesday, April 24, 2024

Il-kampanja ta’ tindif fil-widien se twassal għat-tħawwil ta’ aktar minn 1,500 siġra

Aqra wkoll

Se jitħawlu aktar minn 1,500 siġra grazzi għall-kampanja ta’ tindif ta’ Parks Malta, li flimkien ma’  entitajiet, ma’ kunsilli lokali u ma’ għaqdiet volontarji, qattgħu l-aħħar xhur inaddfu diversi widien.  Parks Malta ikkommettiet li tħawwel żewġ siġriet għal kull tunnellata ta’ skart li jinġabar. 

Grazzi għal din il-kampanja, inġabbru aktar minn 750 tunellata ta’ skart. Parks Malta, fi ħdan il Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, se tħawwel 1,500 siġra indiġena f’dawn id-diversi widien.  

F’din il-kampanja ħadu sehem aktar minn 20 għaqda, inklużi Din l-Art Ħelwa, il-Girl Guides ta’  Birżebbuġa u Raniero’s Adventures. Ingħaqdu wkoll numru ta’ entitajiet governattivi fosthom l Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u Enemed. Il-kampanja saret bl-appoġġ tal-ħaddiema ta’ Parks  Malta. 

Fl-għeluq ta’ din il-kampanja f’Wied il-Għasel, il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema  ta’ Parks Malta tax-xogħol estensiv li għamlu u faħħret lill-għaqdiet volontarji li pparteċipaw bi  ħġarhom f’din l-inizjattiva.  

“Hija inizjattiva sabiħa biex insebbħu l-ambjent, iżda li għandha sservi wkoll biex niftakru nieħdu  ħsieb l-ambjent. Illum qed inħabbru li se niżirgħu aktar siġar, iżda biex wasalna s’hawn kellu jsir  xogħol intensiv ta’ tindif biex jitneħħa skart mormi illegalment,” spjegat il-Ministru Dalli.  

Żiedet li Parks Malta mhux biss se tkun qed tħawwel is-siġar, imma timpenja ruħha wkoll għall manteniment tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li permezz ta’ inizjattivi bħal  dawn inkunu qed naħdmu aktar favur il-konservazzjoni tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna.

Sport