Monday, April 29, 2024

Il-kamra tal-kummerċ iġġedded is-sħubija mal-BOV

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Kummerċ ġeddet is-sħubija tagħha mal-Bank of Valletta (BOV). Din hija sħubija li tħares lejn relazzjoni fit-tul immirata biex trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità f’Malta.

Is-sħubija bejn The Malta Chamber, il-vuċi ewlenija tal-komunità kummerċjali Maltija, u l-Bank of Valletta, waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin ta’ Malta, kienet strumentali biex tmexxi l-innovazzjoni, tappoġġja n-negozji, u tiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku.

Taħt is-sħubija mġedda, iż-żewġ entitajiet se jkomplu jikkollaboraw mill-qrib fuq inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-investiment, u t-tisħiħ tal-kompetittività tan-negozji Maltin kemm fuq il-front lokali kif ukoll fuq dak internazzjonali.

Chris Vassallo Cesareo, President tal-Kamra tal-Kummerċ, esprima l-entużjażmu tiegħu dwar il-kontinwazzjoni ta’ din is-sħubija strateġika, u stqarr, “Il-Kamra tal-Kummerċ hija kburija li qed iġġedded is-sħubija tagħha mal-BOV. Il-kollaborazzjoni tagħna matul is-snin kienet kruċjali biex navvanzaw l-interessi ta’ Malta. Flimkien, se nkomplu naħdmu biex noħolqu ambjent li jwassal għat-tkabbir tan-negozju, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.”

F’kumment li ta fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim, Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, sostna, “Is-sħubija tal-Bank of Valletta ma’ The Malta Chamber tmur lura ħafna snin. Matul dan il-perjodu, l-alleanza strateġika tagħna wasslet għal diskussjonijiet u inizjattivi siewja biex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità kummerċjali lokali, partikolarment l-SMEs u n-negozji tal-familja, filwaqt li appoġġjajnihom u nċentivajnihom biex jesploraw opportunitajiet ġodda.” Hawnhekk għamel referenza speċifika għas-CSR Toolkit u l-online SME toolkit li kienu tnedew bosta snin ilu. Huwa tkellem ukoll dwar il-professjonisti tal-BOV li huma ħerqana li joffru l-appoġġ tagħhom, anke permezz ta’ sezzjonijiet immirati lejn edukazzjoni finanzjarja. Huma jistgħu jagħtu appoġġ fi spettru ta’ servizzi finanzjarji inklużi finanzjament tal-kummerċ, kummerċ onlajn, investimenti, u skemi tal-pensjoni. “Il-ftehim il-ġdid se jippermettilna nkomplu nesploraw joint ventures li jkunu ta’ benefiċċju għall-membri tal-Kamra u n-negozji lokali. Speċifikament, aħna impenjati wkoll li nsaħħu l-fokus tagħna fuq il-prinċipji ESG (Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza), billi niggwidaw lill-komunità kummerċjali lokali biex tħaddan bidliet li jġibu l-operat tagħhom aktar konformi mal-prinċipji ESG.”

Il-ftehim kien iffirmat minn Chris Vassallo Cesareo, Nick Xuereb, u Dr Marthese Portelli, President, Deputat President, u Kap Eżekuttiv ta’ The Malta Chamber rispettivament. Min-na, u Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta. Kienu preżenti wkoll Kenneth B Micallef mill-funzjoni tal-Iżvilupp tan-Negozju tal-Bank u Charles Azzopardi minn CSR u Events.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport