Monday, September 14, 2026
Home Internazzjonali Il-Kanada timmira għal alleanza unika mal-Unjoni Ewropea 

Il-Kanada timmira għal alleanza unika mal-Unjoni Ewropea 

0
53

Il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney stqarr li l-pajjiż qed ifittex alleanza unika mal-Unjoni Ewropea (UE) iżda mhux sħubija fil-blokk, hekk kif qed teskala l-gwerra kummerċjali tal-Kanada mal-Istati Uniti. Fil-fatt, din il-ġimgħa, Carney se jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit u mistenni wkoll li jmur Franza u jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Il-Wall Street Journal irrapporta li uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienu miftuħa għal suġġeriment minn Carney li l-Kanada tista’ ssir “membru assoċjat” tal-blokk Ewropew, skont uffiċjali miż-żewġ naħat.

Ġe rappurtat ukoll li Carney ta struzzjonijiet lill-mibgħut speċjali tiegħu għall-Ewropa biex jistħarreġ l-aktar possibbiltajiet ambizzjużi iżda jżomm ‘l bogħod minn sħubija sħiħa fl-UE. 

Meta tkellem mal-ġurnalisti fil-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Toronto, Carney ċaħad li l-Kanada kienet qed tfittex sħubija formali u qal biss li l-Kanada u l-UE jaqsmu l-istess valuri u għandhom l-istess prijoritajiet. 

Huwa kompla qal li dan huwa żmien meta d-dinja hija aktar perikoluża u maqsuma, u l-ħbieb jeħtieġ li jibqgħu flimkien f’dawn iż-żminijiet.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Kanada u l-Istati Uniti sabu ruħhom imdaħħlin fi gwerra kummerċjali li qed tkompli tikiber wara li n-negozjati kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi fallew lejn l-aħħar ta’ Awwissu.

L-Istati Uniti imponew tariffi fuq setturi ewlenin Kanadiżi, inklużi l-azzar, l-aluminju u l-injam, kif ukoll introduċew taxxa addizzjonali ta’ 50% fuq madwar 28 biljun dollaru Kanadiż fi prodotti Kanadiżi.

Il-Kanada wieġbet billi imponiet tariffi sa 50% fuq prodotti Amerikani li jiswew 28 biljun dollaru Kanadiż, li jvarjaw mill-azzar u l-għamara sal-flokkijiet tal-qoton.

Waqt li se jkun fl-Ewropa, Carney se jattendi għad-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea. Il-mexxej Kanadiż se jivvjaġġa wkoll lejn Liverpool biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Andy Burnham.

Minn mindu ħa l-kariga, Carney mexxa ‘l quddiem strateġija mmirata biex toħloq ekonomija aktar indipendenti u reżiljenti, fid-dawl ta’ politika dejjem aktar ostili mill-amministrazzjoni ta’ Trump lejn pajjiżu.

Trump tkellem dwar l-idea li l-Kanada ssir il-51 stat tAmerikan, u dan l-aħħar ta struzzjonijiet lill-gvern Amerikan biex ibiddel l-isem ta’ Lake Ontario għal “Lake America”.

F’Jannar, waqt diskors fil-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos, Carney ħeġġeġ lill-potenzi ta’ daqs medju biex jingħaqdu flimkien, filwaqt li żied jgħid li l-ordni l-antik mhux se jitreġġa lura.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here