F’Lulju li għadda, l-għadd sħiħ tat-turisti li daħlu Malta kien stmat li laħaq il-489,494, żieda ta’ 20.8 fil-mija meta mqabbel ma’ sena qabel.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Lulju 2026, 465,182 turist żaru Malta għal btala, mentri 13,031 turist ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn 0 u 24 sena (38.0 fil-mija); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-25 u l-44 sena (31.4 fil-mija).
Residenti mir-Renju Unit, l-Italja u l-Polonja kienu jammontaw għal 45.1 fil-mija tat-turisti kollha li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 15.1 fil-mija, u laħaq it-3.2 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (88.4 fil-mija) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien taʼ 6.5 iljieli.
FʼLulju 2026, in-nefqa tat-turisti laħqet l-€538.4 miljun, żieda taʼ 19.1 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €168.7.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 314,708, jew 64.3 fil-mija tat-turisti kollha.
Jannar-Lulju 2026
Fl-ewwel sebaʼ xhur tal-2026, 2,621,319-il turist wasal Malta, żieda taʼ 18.6 fil-mija fuq l-2025. In-numru tal-iljieli mqattgħin telaʼ bi 11.1 fil-mija u bʼhekk laħaq l-14.9-il miljun lejl.
L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq l-€2,334.0 miljun, 15.8 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess żmien tal-2025. L-infiq kollu ras għal ras naqas għal €890 mid-€912 li kien stmat fl-2025.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 1,438,280, jew 54.9 fil-mija tat-turisti kollha.


