Saturday, December 21, 2024

Il-kanċer tas-sider

Aqra wkoll

Minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-kanċer tas-sider huwa pjuttost komuni, u jista’ jaffettwa kemm lin-nisa, u anke lill-irġiel. Għaldaqstant wieħed għandu jkun infurmat dwaru, speċjalment issa li beda Ottubru, ix-xahar li fih jitqajjem iktar tagħrif dwar din il-kundizzjoni li taħkem liċ-ċelloli tas-sider.

Huwa magħruf li n-nisa huma iktar f’riskju li jaqbadhom il-kanċer tas-sider, speċjalment jekk qatt ma welldu tfal, jekk ġihom iċ-ċiklu tal-menstruwazzjoni qabel l-età ta’ 12 il-sena jew il-menopawża tard. 

Riskji oħrajn għal din il-kundizzjoni jinkludu l-età, l-obeżità, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol eċċessiv, espożizzjoni għar-raġġi u kif ukoll, diversi fatturi ġenetiċi.

Is-sintomi relatati mal-kanċer tas-sider jinkludu l-preżenza ta’ boċċi f’diversi partijiet fis-sider li jistgħu wkoll jinħassu iktar iebsin, u tibdil fil-kulur, fil-forma jew fil-kompożizzjoni tal-ġilda ta’ madwar is-sider. Wieħed jista’ wkoll jinnota xi likwidu ħiereġ mis-sider, telf ta’ piż jew għejja. Huwa importanti li wieħed jiċċekkja sidru regolarment u jkellem lit-tabib tiegħu jekk jinnota’ xi tibdiliet, ħalli jsiru iktar testijiet, bħall-mammografija jew ultrasound. 

Ikun għaqli ferm li wieħed jaċċetta l-invitazzjoni sabiex jagħmel l-“iscreening” tas-sider kull tant żmien. L-għan ta’ dan huwa li jinqabdu ċerti kundizzjonijiet fis-sider fi stat bikri, u għaldaqstant wieħed jaf itejjeb ukoll il-pronjożi.

Wieħed għandu jfittex ukoll li jgħix stil ta’ ħajja sana billi jiekol ikel nutrittiv, iżid l-eżerċizzju fiżiku, jitlef il-piż żejjed, ma jpejjipx u jnaqqas il-konsum tal-alkoħol.

Ekonomija

Sport