Sunday, December 22, 2024

Il-kanċer tas-sider ma jħarisx lejn is-sess jew l-età

Martina Fenech, b’enfasi dwar l-importanza li kulħadd jittestja lilu nnifsu

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Ottubru huwa kkaratterizzat minn għadd ta’ kampanji ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider, bil-għan li ta’ kull sena l-messaġġ iqanqal iżjed persuni sabiex jiċċekkjaw lilhom infushom, irrispettivament mill-età jew is-sess tal-persuna.

Saħqet dwar dan Martina Fenech f’kummenti li tat lil dan is-sit. Bħala persuna li misset mar-realtà tal-kanċer inġenerali għal darba, tnejn, tlieta – f’okkażjoni minnhom kienet pazjenta hi stess u f’żewġ okkażjonijiet oħra kellha nies viċin tagħha – tenfasizza l-importanza li kull wieħed u waħda minna nieħdu prekawzjoni u nagħmlu testijiet mediċi, għaliex kif jgħid il-Malti, ‘aħjar uff mill-aħħ’.

“Il-kanċer tas-sider ma jħarisx lejn l-età. Qabel, forsi konna nisimgħu b’każijiet dwar persuna ta’ 50-60 sena … il-kanċer tas-sider mhux biss tan-nisa. Sfortunatament, ħafna min-nies jekk iħossu xi boċċa jew ċesta f’sidirhom ma tgħaddilhomx minn moħħhom li jista’ jkun kanċer. Għalkemm fil-maġġoranza tal-każi huma n-nisa li jinħakmu mill-kanċer tas-sider, dan ma jeskudix il-possibiltà li jaqbad lill-irġiel,” fissritilna Martina. 

Hija żiedet tgħid li skont riċerki li saru f’dan ir-rigward jirriżulta li l-irġiel huma iżjed riservati min-nisa, speċjalment fejn jidħlu affarijiet personali ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, “Matul dawn il-kampanji nisħqu li anke l-irġiel għandhom jiċċekkjaw lilhom infusuhom”.

“Meta l-kanċer jolqot liż-żgħar qed tkun iktar diffiċli” … bżonn ta’ iżjed skemi u għajnuniet soċjali 

Martina llum il-ġurnata hija tfajla ta’ 26 sena, taħdem bħala konsulenta fit-taħriġ u r-reklutaġġ, u fil-ħin liberu tagħha tagħmel volontarjat ma’ Puttinu Cares fejn hija wkoll waħda mill-membri tal-kumitat. It-teżi tal-Masters ta’ Martina tittratta l-ħajja ta’ persuni t’età żagħżugħa wara li jkunu fiequ mill-kanċer, fejn stħarrġet it-tbatijiet psikoloġiċi u soċjali li jkollhom jaffaċċjaw. 

Ma’ Talk News, hija spjegat li sfortunatament, wara li jkunu rebħu l-battalja tagħhom kontra l-mard, isibu battalja oħra: dik finanzjarja. Fost il-każi li ltaqgħet magħhom fir-riċerka preċedenti fil-Kors tal-Baċellerat, hija qaltilna li kellha każ fejn familja kellha tbigħ id-dar tagħha li kienet għadha bil-loan minħabba li xi ħadd miż-żewġ partijiet kellu l-kanċer. “Meta l-kanċer jolqot liż-żgħar qed tkun iktar diffiċli,” sostniet Martina.

Filwaqt li faħħret l-iskema ‘New Hope Guarantee’, hija qalet li jeħtieġ ta’ iżjed skemi u għajnuniet soċjali biex inkomplu ngħinu iktar persuni. Permezz tal-iskema ‘New Hope Guarantee’, li daħlet fis-seħħ sentejn ilu, l-istat jidħol garanti għal dawk il-persuni li minħabba kundizzjoni medika li fiequ minnha jew minħabba diżabbiltà ma jirnexxilhomx jiksbu polza tal-assigurazzjoni waqt proċess ta’ self mingħand il-banek biex jixtru l-proprjetà tagħhom. Hija saħansitra qed tidderieġi lin-nies kif għandhom jagħmlu biex jibbenefikaw minn skemi bħal dawn. 

Il-konċessjonijiet ta’ żmien il-pandemija għandhom jibqgħu fis-seħħ biex itaffu l-piż tal-pazjenti u qrabathom

Martina kellmitna wkoll dwar xi diffikultajiet mill-aspett akkademiku u dak tax-xogħol li għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom persuni u/jew qraba ta’ pazjenti morda bil-kanċer u mard serju ieħor.

“Għalkemm  illum il-ġurnata qed insibu iktar appoġġ mill-iskejjel, xorta għad hawn ċertu diffikultajiet għal persuni li jkunu għaddejjin minn mard serju. Fi żmien il-pandemija, it-tfal kienu jsegwu t-tagħlim online. Issa li s-sitwazzjoni ma baqgħetx daqstant allarmanti, bosta mill-iskejjel m’għadhomx joperaw b’dan il-mod,” esprimiet b’ċertu diżappunt. 

Hija enfasizzat dwar il-ħtieġa li pazjenti b’mard serju jingħataw konċessjonijiet li kienu fis-seħħ matul il-perjodu tal-pandemija għaliex  “huwa bi dritt li l-istudenti (li jkunu morda serjament) jibqgħu jitħarrġu”. L-istess punt qajmitu wkoll għax-xogħlijiet. 

Bħala eks pazjenta kif ukoll bħala persuna li kellha nies qrib tagħha li ġarrbu l-marda tal-kanċer, Martina taf x’responsabbiltà jġorru magħhom dawk il-persuni li jkunu jgħixu fl-istess residenza tal-pazjenti u r-riskji serji li jidħlu fihom il-pazjenti stess jekk jimirdu: “Meta jkollok pazjent, anki l-familjari jridu joqogħdu attenti għax il-pazjenti jkunu vulnerabbli. Jekk jimirdu jaf ikollhom iwaqqfu l-kura … jekk jitbaxxielhom id-demm jaf ma jkunux jifilħu jieħdu l-kimoterapija”. 

Għaldaqstant, Martina tappella sabiex dawk il-persuni li n-natura tax-xogħol tagħhom hija waħda flessibbli u tippermetti li x-xogħol isir mid-dar, f’każi fejn din il-persuna jkollha xi pazjent/a fir-residenza tagħha, tingħata l-istess konċessjonijiet li kellha waqt il-Covid-19.

Sfortunatament, hija qaltilna li f’każijiet fejn ma jkollhomx triq oħra, dawn il-persuni jispiċċaw jitilfu xogħolhom, anki minħabba l-fatt li jkunu jridu jduru bil-pazjenti.

“Taqtgħux qalbkom … 80% tal-pazjenti jirnexxilhom ifiqu”

Fl-aħħar nett, hija temmet il-kummenti tagħha b’dan il-messaġġ indirizzat lil dawk il-persuni li bħalissa qed jikkumbattu kontra l-marda tal-kanċer: “Taqtgħux qalbkom. Huwa minnu li l-iżjed persuni li jħallu marka fuqna huma dawk in-nies li jmutu b’din il-marda u mhux dawk li jfiqu, però, 80% tal-pazjenti jirnexxilhom ifiqu. Kull għajnuna li nistgħu nagħtu li dawn il-familji jista’ jkun li għalina ma tkun xejn ta’ barra minn hawn, imma għalihom tkun tiswa mitqlu deheb”.

Ekonomija

Sport