Monday, May 13, 2024

L-ewwel liċenzji fl-użu responsabbli tal-kannabis

“Pass ieħor kuraġġuż iżda meqjus f’din ir-riforma” - is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) ħarġet l-ewwel liċenzji operattivi lil żewġ assoċjazzjonijiet biex ikunu jistgħu jibdew il-proċess biex jikkultivaw u jbigħu l-kannabis lill-membri tagħhom, skont kif tippermetti l-liġi.

Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha fissret l-għoti tal-liċenzja lil dawn l-assoċjazzjonijiet bħala pass ieħor kuraġġuż iżda meqjus għaliex sar bl-aktar reqqa u b’mod u manjiera li jipprovdu salvagwardji kemm għall-individwi involuti u anke għall-komunità.

Ġie spjegat li biex persuna tkun membru f’din l-assoċjazzjoni jrid ikollha aktar minn 18-il sena, trid tkun residenti f’Malta u anke jsirilha interview ta’ reġistrazzjoni mal-assoċjazzjoni. Issa li nħarġu l-ewwel żewġ liċenzji, huwa mistenni li fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla ssir l-ewwel distribuzzjoni tal- kannabis lil dawn l-istess membri dejjem jekk ikunu sodisfatti l-kriterji meħtieġa.

Bħalissa hemm erba’ assoċjazzjonijiet oħra li għandhom liċenzja “in principle” u li jinsabu fi stadju avvanzat biex jiksbu liċenzja operattiva filwaqt li hemm numru ta’ applikazzjonijiet oħra li qegħdin jiġu evalwati biex jieħdu liċenzja “in principle” u eventwalment il-liċenzja. 

L-assoċjazzjonijiet li bil-liġi mhux se jaħdmu għall-profitti se jikkontribwixxu 5% tad-dħul tagħhom bħala kontribuzzjoni lill-Awtorita’ biex tonqos il-ħsara tal-kannabisu 10% mis-surplus tagħhom għal kampanji edukattivi għall-membri tagħhom u fil-komunità biex ikunu aktar infurmati dwar l-użu responsabbli tal-kannabis. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet li t-traffikar tal-kannabis kien u se jibqa’ illegali. Iżda b’dan il-mod skjett qed ikun assigurat li min qed jagħmel użu responsabbli jista’ jingħata suq aċċessibbli u sigur li jassigura s-saħħa pubblika tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Hija żiedet tgħid li s-sodisfazzjon tal-Gvern ikompli jikber wara li pajjiżi Ewropej fosthom il-Ġermanja qed iħarsu lejn il-mudell Malti biex jagħmlu riformi simili. Dan ġie kkonfermat ġimgħat ilu meta f’Malta tlaqqgħet konferenza ministerjali biex proprju tiddiskuti dan is-suġġett. 

Min-naħa tiegħu, Leonid McKay, iċ-Ċerpersin tal-ARUC, ta ħarsa lejn ix-xogħol li wettqet l-ARUC f’dawn l-aħħar xhur u semma’ fost l-oħrajn it-tnedija fi Frar li għadda tal-qafas regolatorju u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex tiġi ikkultivata l-kannabis, u it-tnedija aktar tard f’Ġunju tal-politika dwar harm reduction fi ħdan dawn l-assoċjazzjonijiet. 

Huwa spjega li l-assoċjazzjonijiet se jkunu qed jirċievu l-ewwel taħriġ fuq il-kannabis, il-harm reduction u s-saħħa bejn it-28 u d-29 ta’ Novembru li ġej. Dan it-taħriġ qed isir bil-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi barranin b’esperjenza vasta fis-settur għall-użu responsabbli tal-kannabis. 

Dan it-taħriġ qed isir ukoll b’kollaborazzjoni mas-Sedqa b’enfasi fuq għodod ta’ prevenzjoni u harm reduction għal persuni adulti iżda taħt il-21 sena. Is-Sur McKay informa li l-website tal-ARUC ser tkun qed tinkludi lista ta’ assoċjazzjonijiet liċenzjati, inkluż id-detalji biex persuna tagħmel kuntatt u ssir membru.   

Sport