Il-kantant Amerikan D4vd wieġeb mhux ħati għall-akkużi dwar qtil ta’ tifla ta’ 14-il sena, li kienet għebet is-sena li għaddiet.
Il-kantant, li ismu proprja huwa David Anthony Burke, jinsab akkużat bil-qtil ta’ Celeste Rivas Hernandez, li l-fdalijiet tagħha li kienu fi stat ta’ dekompożizzjoni nstabu f’Settembru f’Tesla rreġistrata fl-indirizz tiegħu f’Texas.
Burke ta’ 21 sena ġie akkużat ukoll bi qtil għal “qligħ finanzjarju” u bl-allegat qtil ta’ xhud f’investigazzjoni. Meta tressaq fil-Qorti, huwa ma wieġeb xejn, bl-Avukati tiegħu jgħidu li hu kien qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi.
Fl-awla tal-Qorti f’Los Angeles, id-Difiża ddikjarat li temmen li “l-evidenza attwali se turi li David ma qatilx lil Celeste” u lanqas kien il-kawża tal-mewt tagħha.
“Se niddefendu bil-qawwa l-innoċenza ta’ David,” qalu l-Avukati Blair Berk, Marilyn Bednarski u Regina Peter fi stqarrija mal-BBC.
Wara xhur ta’ spekulazzjoni dwar il-każ, kien hemm sens ta’ tensjoni u antiċipazzjoni fl-awla qabel bdiet is-seduta. Preżenti kien hemm ukoll il-ġenituri tat-tifla.


