Tuesday, April 21, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur investiment multimiljunarju mis-settur privat li wasal fl-aħħar fażi tat-tkomplija tiegħu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-proġett tal-Hard Rock Hotel f’San Ġiljan, immexxi mill-Grupp DB, li jinsab fl-aħħar fażi tiegħu qabel jiftaħ il-bibien tiegħu matul is-sajf li ġej. 

Dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €320 miljun, huwa maħsub biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità għolja. Dan hekk kif il-lukanda qed tiġi żviluppata b’enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà, filwaqt li hija mistennija ssir il-lukanda ewlenija ta’ Hard Rock mhux biss fir-reġjun Ewropew, iżda wkoll f’dak Afrikan u tal-Lvant Nofsani. Il-proġett se jinkludi 397 kamra, l-akbar faċilitajiet ta’ wellness f’Malta, kif ukoll mistenni jkun hemm l-akbar ċentru kummerċjali fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett multimiljunarju huwa xhieda oħra tal-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna, fl-ekonomija tagħna u fl-industrija turistika tagħna. Huwa rrimarka li dan l-investiment qed isir fi żmien ta’ sfidi internazzjonali, fejn bosta pajjiżi oħra jinsabu maħkuma mill-instabbiltà u f’pajjiżna għandna l-istabbiltà u ċ-ċertezza. Dr Abela qal li dan qed jiġi nnutat minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu bħad-DBRS Morningstar u anke l-Fond Monetarju Internazzjonali. 

Dr Abela għamel ukoll referenza għar-regolamenti ġodda fis-settur tal-ospitalità. Regolamenti li se jkomplu jgħollu l-kwalità fis-settur. Il-Prim Ministru tenna li s-settur turistiku għandu rwol kruċjali fit-tmexxija tat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li qed jesperjenza pajjiżna. Huwa qal li dawn ir-riżultati ekonomiċi nkisbu bis-saħħa ta’ strateġiji maħsuba sew u miri ambizzjużi, imfassla biex jiġġeneraw tkabbir ekonomiku allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni msejsa fuq il-kwalità u fuq dak li jħalli valur miżjud.

Huwa nnota li l-industrija turistika tagħna mhux biss qed tkompli tikber imma qed tevolvi. Filwaqt li tenna li l-għan tal-Gvern mhuwiex biss li nikkonsolidaw il-kisbiet li nkisbu, iżda li nkomplu nimbuttaw ’il quddiem mudell turistiku dejjem aktar sostenibbli. “Dan jirrifletti l-impenn tagħna lejn trasformazzjoni kontinwa, biex ngħollu l-prodott turistiku tagħna u nżidu l-livelli ta’ kwalità fis-settur tal-ospitalità kollu”, qal Dr Abela hu u jinnota l-effiċjenza u l-mod kif f’inqas minn tliet snin, dan il-proġett mexa b’pass mgħaġġel biex jitwettaq.

Min-naħa tiegħu, Silvio Debono, iċ-Chairperson tal-istess grupp qal, “Dal-proġett jixpruna lill-kumpanija sabiex tkompli twessa’ l-viżjoni tagħha b’iktar kunfidenza u ambizzjoni. Se nibqgħu ninvestu f’Malta u se nkomplu niġbdu lejn pajjiżna ‘brands’ globali li jikkontribwixxu lejn iktar kwalità u iktar żvilupp pożittiv.” Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp DB Robert Debono qal li dan il-proġett għandu jattira iktar viżitaturi u residenti li jfittxu l-kwalità f’kollox, nies li jħallu iktar flus fl-ekonomija, b’inqas impatt ambjentali u b’inqas iffullar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport