Monday, November 4, 2024

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li għandu pjan ċar ladarba jkun fil-Gvern

Aqra wkoll

F’intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, reġa’ tkellem dwar il-viżjoni u l-pjan tal-Partit Nazzjonalista ladarba jitla’ fil-Gvern. F’elenku ta’ dak li huwa qiegħed jisħaq li huma s-soluzzjonijiet għall-ħajja aħjar f’pajjiż ġust, Grech tefa’ r-responsabbiltà ta’ futur aħjar f’idejn il-poplu fejn talab biex “flimkien” nerġgħu nibnu pajjiż aħjar. Dan basta, il-poplu jtellgħu fil-Gvern.

Il-Kap tal-PN sostna li, “in-nies iridu jisimgħu kif se nimxu ‘l quddiem. Il-poplu qiegħed jifhem bl-isfidi kollha li għandna quddiemna u qiegħed jifhem il-messaġġ tagħna. Il-pern tal-viżjoni tiegħi huwa li pajjiżna jkun pajjiż ġust u meta jirnexxielna, inti tgħix f’pajjiż li tħossok stmat, li m’intix inqas minn ħaddieħor, fejn tista’ taħdem jew tistudja u tirnexxi, fejn tiftaħ negozju u tasal bħal ħaddieħor. Fuq dawn nistħu nibnu pajjiż aħjar u ħajja aħjar għalik”.

Filwaqt li diġà laqa’ għall-futur billli qal li aktar mal-partit tiegħu jissaħħaħ aktar se jigdbu fuqhom, Grech spjega li huwa jħobb ikun ċar dejjem fil-messaġġi u d-diskorsi li jagħmel. Fl-intervista, barra l-attakki li dejjem jagħmel fuq il-Gvern u l-istituzzjonijiet tagħna, il-Kap tal-Oppożizzjoni donnu għandu s-soluzzjonijiet ta’ kollox bil-pjan li qiegħed jipproponi. Dan kemm rigward l-għoli tal-ħajja, l-ekonomija b’mod ġenerali, il-bini u l-popolazzjoni “żejda li tidħol bl-eluf”, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, l-ambjent, is-saħħa u l-inġustizzji li skont huwa hemm.

Il-Kap tal-PN speċifika li, “il-ġust ma jfissirx ġustizzja. Ġust huwa li tkun fair. Dan irrid li jkun il-pern ta’ kollox. Jekk inti għandek bżonn u dritt għal benefiċċju, tieħdu għax hekk huwa ġust. Is-soċjetà trid tgħinek. Jekk tixtieq tavvanza u taħdem mhux ġust li jkun hemm eluf ta’ ħaddiema li jikkompetu miegħek u ma tistax tavvanza. Illum, tant sar diffiċli li tixtri proprjetà li ma tistax tasal u dan mhux ġust. Irridu li l-ekonomija ma tkomplix twelled inġustizzji u li ma tibqax ibbażata fuq il-kwantità imma fuq il-kwalità u li l-infrastruttura ta’ pajjiżna ma tibqax mgħaffġa b’popolazzjoni kbira. Irridu nindirizzaw l-għoli tal-ħajja wkoll għax nemmnu li hekk huwa ġust”.

Bernard Grech temm jgħid li, “dan huwa l-pjan tagħna li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-poplu. Dan għax lilek irridek aħjar. Jien ċert li pajjiżna se jkun aħjar u int, se jkollok ħajja aħjar”.

Sport