Sunday, December 22, 2024

Il-Kap tal-PN jerġa’ jallega li l-PM qed jikkupjalu l-proposti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt attività politika mill-pjazza Antoine de Paule, f’Raħal Ġdid, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-proposti li qiegħed jitkellem dwarhom huma parti minn pakkett studjat maħsubin biex jindirizzaw b’mod pożittiv il-ħajja tal-bniedem.

Bernard Grech qal li l-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika u talab lill-poplu jafdah fit-tmexxija biex jibqa’ gwidat li jserraħlu rasu li se jibqa’ jaħseb fik anke jekk ma jafekx.

Grech stieden lil dawk li għadhom qegħdin ibatu fis-silenzju biex javviċinawh u jressqu l-ideat tagħhom biex dawn jiġu indirizzati.

Fakkar li f’inqas minn xahar il-poplu se jagħżel f’idejn min se jafda t-tmexxija tal-pajjiż. 

Żied jgħid li l-Prim Ministru saffar suffara għal tellieqa li lanqas hu stess ma kien preparat, iżda l-Partit Nazzjonalista kien lest. “Issa x’aktarx qiegħed jieħu nota biex jara liema miżuri se jkun qiegħed jikkopja”, tenna Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu jeħtieġ li jagħżel bejn il-partit immexxi minnu li hu l-oriġinali tal-proposti, u l-kopja li huwa l-Partit Laburista.

Ekonomija

Sport