David, li llum jgħodd 38 sena għadda minn ħafna f’ħajtu. Kien wieħed mill-vittmi ta’ abbużi sesswali li twettqu minn membri tal-kleru. Beda jipprova jibni ħajtu mill-ġdid. Ma kinitx faċli, imma bil-mod il-mod beda jirnexxielu. Ingħata post mill-Awtorità tad-Djar bil-kera u beda jaħdem biex jimlieh.
Ġara iżda li bħal sajjetta fil-bnazzi, David sab problema ġdida ma wiċċu. Problema li ħallietu kważi bla flus. Fi kliemu stess “spiċċajt qisni tallab”. Illum minħabba li għandu problema ta’ finanzi, għandu problema anke biex jiekol darba kuljum. Filfatt biex jiekol hu jispiċċa jmur f’istituzzjoni li toffri l-ikel. David qiegħed jappella għall-għajnuna. Il-karba tiegħu hi li jerġa’ jiddaħħal lura fuq ir-reġistru tax-xogħol.
“Jien inqtajt għax ittra waslet għandi tard. Jista’ jkun marret għand ħaddieħor bi żball u mbagħad dan impustahieli tard. Jien waslet tard għandi u meta mort biha għand l-uffiċċju tal-Job Plus qaluli li kont diġa intqajt mir-reġistru u li kelli sitt xhur nistenna biex nerġa’ niddaħħal. Suppost nerġa’ niddaħħal f’Novembru, imma sadanittant jien m’għandix flus biex ngħix u għandi ħafna kontijiet xi nħallas. Spiċċajt bla mowbajl għax ma kellix biex inħallsu. Spiċċajt b’sekwestru minn kumpaniji tat-telefonija. Spiċċajt bla flus. Qisni tallab ġejt”, jgħidilna David.
“Jien nxtieq niġi mgħejjun. F’ħames jew sitt snin dejjem attendejt korsijiet li bagħtuni. Dejjem ċempilt lil min iqabbduni miegħu għax-xogħol. Nixtieq li l-benefiċċju jerġgħu ituhuli u ningħata l-ħlas ta’ dak li inqata’ Ġejt kważi ma nistax ngħix, jekk mhux bl-għajnuna ta’ xi ħadd”, jgħidilna David.
David jirrakkonta l-istorja tiegħu: “kont nirreġistra u kont inmur tlett darbiet il-Mosta. Qisu darba f’xahar jibagħtu għal intervista, u erba’ darbiet fil-ġimgħa jibagħtuli għal xogħol. Meta jibagħtuli għal xogħol jien kont inċempel u mbagħad kont inmur u nħallilhom CV. Minn hemm ‘lquddiem ma’ jiġri xejn aktar. Ma jibagħtux għalija”.
Għamilt diversi korsijiet
David jgħidilna li “kienu jibagħtu għalija l-korsijiet. Jien dejjem mort. Kont nitla’ Ħal Far. Għamilt kors fil-lingwa Maltija, kors fil-lingwa Ingliża, kors tal-First Aid u kors fuq il-kitba u l-qari. Il-benefiċċju li kont nirċievi tar-reġistrar kien ta’ €138 fil-ġimgħa imma dan jinżel għal €133 fil-ġimgħa peress li l-Gvern jgħaddi l-pagament għand kumpanija u aħna nirċevuh mingħandha. Ma’ dawn għandi ‘Għajnuna Supplementari kull tlett xhur ta’ €166. Ġara li f’Mejju kienu bagħtuli ittra. Issa l-ittra għandi waslet tard.
Jista’ jkun impustawha ħażin u għaddewhieli tard. L-ittra kienet għal xi xogħol. Jien mort b’din l-ittra l-Job Plus peress li waslet tard iżda dawn infurmawni li kont diġa inqtajt minn fuq il-benefiċċju. Qaluli biex nappella u hekk għamilt. Dan kien ifisser xahrejn ta’ stennija. Id-deċiżjoni ingħatat fid-29 ta’ Lulju u d-deċiżjoni kienet negattiva. Jien kont tajt il-verzjoni tiegħi. Id-deċiżjoni imma kienet li ninqata’ minn fuq il-benefiċċji għal sitt xhur.”
David ikompli jgħidilna li “jien nieħu xi għajnuna mill-Knisja minħabba l-każ tal-abbużi. Il-problema li għandi hi li peress li inqtajt mir-reġistru spiċċajt bla flus. Kont ingħatajt post u kont qed narmah. Xtrajt xi affarijiet u għadhom ma tħallsux. Dan kien bla għamara. Fil-bidu kont norqod fuq il-kartun. Hemm ammont ta’ spejjeż biex narmah.. Il-fridge tawhieli l-Community Chest Fund. Għamilt siġġijiet, sodda, sufan, u ħallsuli apparat tal-arja kundizzjonata għall-kamra tas-sodda. Il-kamra tax-xower ġietni €600.
Xtrajt mejda u għadni qiegħed inħallasha. Minħabba li inqtajt mir-reġistru spiċċajt bla ikel u qiegħed inmur Dar Papa Franġisku u nikel f’nofsinhar hemmhekk. Minħabba li inqata’ l-benefiċċju spiċċajt bil-linja tal-mowbajl mblukkta. Kif taf inti ma stajtx taqbadni. Apparti li għandi nagħti xi flus fuq affarijiet Ii xtrajt, għandi kera ta’ €65. Dawn irrid inħallashom jien kull xahar għax l-oħrajn imbagħad iħallashom il-gvern.
Ma’ dawn għandi spiża ta’ €430 għall-komun fis-sena. Bdejt nibża’ li nista’ nispiċċa bla saqaf fuq rasi. Kellimt lis-sid u għall-ewwel qomos imma imbagħad aċċetta li nħallsu bil-mod il-mod darba oħra. Għandi sekwestru għax kelli kont tat-telefonija ta’ xi €2000 u ma kontx ħallastu. Jien ġieli ħdimt u l-ħlas kien jkun ta’ bejn €6 jew €7 fis-siegħa. B’dan is-sekwestru lanqas naħdem ma’ nista’ għax jekk naħdem kif tidħol il-paga joħduhieli.”
‘Jien li nixieq hu li jgħinuni. Nixtieq li forsi l-awtoritajiet jerġgħu jirrikonisdraw il-każ tiegħi. Il-każ tiegħi hu ġenwin. Inqtajt għax ittra ġiet għandi tard. Nixtieq li nerġa’ niddaħħal u li ningħat dawk li inqatgħuli jew għallinqas parti minnhom”, jgħidilna David Cassar.