Wednesday, April 24, 2024

Il-karozza li rikeb fuqha l-attur Antonio Banderas

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA, Ritratti: MELVIN FARRUGIA PHOTOGRAPHY

Bħala karozza, din l-Austin 8 intużat biex jiġi ffilmjat episodju mis-sensiela televiżiva “Genius: Picasso”, fejn l-attur ta’ fama internazzjonali Antonio Banderas kien riekeb fuq il-karozza u s-sid Philip Gatt saqu minn quddiem il-binja ta’ Kastilja. 

Mal-magażin ROTI, Philip spjegalna li kien fl-1985 meta hu xtara din il-karozza Austin 8 tal-1946 mingħand qassis minn Ħal Lija. Jistqarr li l-karozza kienet ilha wieqfa u għalhekk ma kinitx taħdem. Wara li darha xi ftit u reġgħet bdiet taħdem, ħadha għal wirja tal-karozzi klassiċi. Dak iż-żmien il-karozza kienet għadha kulur sewda. 

Madankollu, Philip jgħid li darba niżel fil-pit biex jiċċekkja l-istat li tinsab fih il-karozza u flimkien mat-tifel raw li kien hemm il-problemi. Fil-fatt, jistqarr li raw xi sadid mal-molla u għalhekk iddeċidew li jżarmawha. 

Peress li l-parti l-kbira tal-karozza hi magħmula mill-ħadid, kemm bħala body u anke x-chassis, ħaduha għall-blasting u qatgħulha s-sadid. Barra hekk, sabu l-lasktu tagħha minn barra minn Malta u anke xtraw arloġġi ġodda. 

Fejn għandha x’taqsam il-magna, Philip xtralha s-sleeves mill-Ingilterra u bidilhom biex jagħtiha ħajja ġdida. 

Ma naqasx ukoll milli jagħmlilha tapizzerija ġdida u mbagħad ibnu sprejjaha bil-kuluri u ż-żebgħa oriġinali. 

Illum il-ġurnata, Philip juża din il-karozza biss biex joħodha għal xi esibizzjoni jew inkella biex idur xi dawra biha waqt li jitpaxxa b’dan il-ġojjell li għandu. 

Sport