Friday, March 29, 2024

Jirtira l-ewwel Assistent Arkivista Nazzjonali

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju saret iċ-ċerimonja tal-irtirar uffiċjali ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina minn Assistent Arkivista Nazzjonali, kariga li ilu jaqdi għal iktar minn tletin sena li tulhom welled u mix-xejn struttura u organizza l-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex bħala Kap tiegħu.

Dr Bezzina għandu tliet lawrji fl-Istorja, fosthom Dottorat fl-Istorja tal-Knisja. Bejn is-snin 1976 u 1978 hu kien elett membru tas-Senat Akkademiku tal-Università Pontifiċja Gregoriana bħala rappreżentant tal-istudenti tal-Istorja. Rebaħ ukoll l-Award tal-Papa – l-ogħla unur tal-Università – meta spiċċa bl-ogħla marka fost l-istudenti tad-dottorat tas-sena 1982. Hu segwa wkoll kors tax-Xjenza tal-Libreriji, u kors ieħor fix-Xjenza Arkivistika. Għamel it-taħriġ prattiku fl-Arkivju Sigriet tal-Vatikan u kiseb Diploma fl-Arkivistika bl-ogħla ġieħ. Għallem fl-Università ta’ Malta, fejn mexxa għal bosta snin id-Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, fl-INSERM, kif ukoll fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Kien ukoll għal snin twal l-Arkivista tal-Kurja tal-Isqof f’Għawdex. Irriċerka fuq bosta suġġetti b’rabta mal-istorja tal-gżira Għawdxija, u ppubblika fuq 50 ktieb ta’ natura storika, barra l-għadd ta’ artikli b’bosta lingwi fuq rivisti u journals akkademiċi barranin. Hu wkoll awtur ta’ numri ta’ studji ppubblikati f’rivisti u kotba barra minn Malta; awtur ta’ kotba bil-Malti, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż, u bil-Ġermaniż. Kiteb ukoll l-iskript ta’ numru konsiderevoli ta’ dokumentarji. Ix-xogħlijiet tiegħu huma frott ta’ tiftix f’diversi arkivji ta’ Għawdex, ta’ Malta, u anki ta’ barra minn Malta, speċjalment l-Arkivju Sigriet tal-Vatikan, il-Bibljoteka Komunali ta’ Palermo, u l-Arkivju Nazzjonali Ingliż. Ordnat saċerdot fl-1975, huwa membru tal-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex.

Fis-sena 1978, meta għal xi żmien reġa’ lura Għawdex, hu beda jirriforma l-Arkivju Episkopali ta’ Għawdex u beda l-ikkatalogar tiegħu fuq linji moderni. Kien fl-1 ta’ Awwissu 1989 li l-Ministeru għal Għawdex, dak iż-żmien immexxi mill-Onor. Anton Tabone, ikkummissjona lil Dr Bezzina biex iwaqqaf sezzjoni f’Għawdex tal-Arkivju Nazzjonali. L-ewwel dokumenti li bdew il-kollezzjoni kienu fuq tliet mitt reġistru tal-Universitas Gaudisii, il-gvern reġjonali ta’ Għawdex fi żmien il-Kavallieri. It-taqsima ta’ Għawdex tal-Arkivju Nazzjonali twaqqfet uffiċjalment fl-24 ta’ Novembru 1989, xahrejn qabel it-twaqqif formali tal-Arkivju Nazzjonali b’Att Numru IV tat-23 ta’ Jannar 1990. L-għażla ta’ Dr Bezzina bħala l-ewwel Kap tagħha kienet waħda naturali. 

Illum, fuq tletin sena wara, l-Arkivju Nazzjonali hu wieħed mis-suċċessi tal-Gvern f’Għawdex, mhux biss minħabba l-materjal imprezzabbli li jiddepożita biex hekk qed tinġabar il-memorja kollettiva tal-poplu, imma wkoll għas-servizz li qed jagħti lill-Għawdxin.

Dwar dan tkellmu kemm Dr Charles J. Farrugia, Arkivista Nazzjonali, u kemm Anton Tabone, fid-diskorsi li taw fl-okkażjoni tal-irtirar ta’ Dr Bezzina, fejn kellhom biss kliem ta’ tifħir u gratitudni għall-mod għaqli u intelliġenti li bih mexxa l-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex għal dawn is-snin kollha.

L-okkażjoni ntemmet bi preżentazzjonijiet ta’ tifkiriet lil Dr Bezzina mill-Arkivista Nazzjonali kif ukoll mill-istaff tal-Arkivju Nazzjonali.

Ekonomija

Sport