tinħareġ twissija ħamra ta’ sħana estrema
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Alicia Bugeja Said, ħabbret miżura temporanja ġdida, hekk kif permezz ta’ linji gwida maħruġa mid-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, il-karozzini ma jkunux jistgħu joperaw kull darba li l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta joħroġ Red Alert – Extreme Heat Warning.
Din il-miżura qed tidħol fis-seħħ bħala miżura temporanja u preventiva bbażata fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni sabiex jitkompla jissaħħaħ il-ħarsien tal-benesseri taż-żwiemel matul perjodi ta’ sħana estrema, qabel ma jinqalgħu sitwazzjonijiet li jistgħu jpoġġu lil saħħithom f’riskju.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, Malta esperjenzat temperaturi għoljin ħafna li jistgħu joħolqu riskji serji għas-saħħa u l-benesseri taż-żwiemel. Dan ir-riskju jiżdied meta l-annimali jkunu qed jiġbdu karozzini f’kundizzjonijiet ta’ sħana estrema, u għalhekk qed tittieħed din il-miżura preventiva.
Qabel ittieħdet din id-deċiżjoni, is-Segretarjat Parlamentari u d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kuċċiera biex jiddiskutu s-sitwazzjoni. Il-laqgħa saret fi spirtu ta’ djalogu kostruttiv u wasslet għal qbil sabiex, bħala miżura immedjata, il-kuċċiera jwaqqfu volontarjament l-operat tagħhom kull meta jinħareġ Extreme Heat Warning, filwaqt li kompliet tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u dan is-settur biex il-benesseri tal-annimali dejjem jitqies bħala prijorità.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, qalet li din il-miżura turi b’mod ċar il-viżjoni tal-Gvern favur politika li tqiegħed il-benesseri tal-annimali fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.
Dr Bugeja Said spjegat li, “Għandna d-dmir li nieħdu deċiżjonijiet responsabbli u preventivi sabiex nipproteġu lill-annimali minn kundizzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu għalihom. Din il-miżura hija eżempju ċar ta’ gvern li jisma’, jikkonsulta u jaġixxi fl-aqwa interess tal-annimali, filwaqt li jibqa’ jaħdem id f’id mal-operaturi kollha involuti sabiex nissalvagwardjaw din it-tradizzjoni”.
Is-segretarju parlamentari rringrazzjat lill-kuċċiera għall-kooperazzjoni u l-attitudni pożittiva li wrew matul id-diskussjonijiet li wasslu għal din il-miżura kif ukoll lill-għaqdiet u l-attivisti għall-ħarsien tal-annimali li b’mod kostruttiv komplew iqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-benesseri tal-annimali. Hija sostniet li permezz ta’ djalogu u ħidma flimkien bejn il-Gvern, l-operaturi u s-soċjetà in ġenerali, jistgħu jinstabu soluzzjonijiet bilanċjati li dejjem ipoġġu l-benesseri tal-annimali bħala prijorità.
Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Dennis Sciberras, sostna li kull pass li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni tal-annimali huwa wieħed pożittiv. Huwa spjega kif, “Dawn il-linji gwida huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u huma maħsuba biex jipproteġu l-benesseri taż-żwiemel waqt kundizzjonijiet ta’ sħana estrema”.
Min-naħa tiegħu, wieħed mill-kuċċiera laqa’ l-miżura u sostna li s-saħħa taż-żwiemel tibqa’ l-aktar aspett importanti ta’ xogħolhom.
Charlie Barbara, rappreżentant tal-kuċċiera tal-karozzini tar-Rabat, irringrazzja lis-segretarjat u saħaq kif il-bilanċ li nstab għall-miżura temporanja huwa fl-aqwa interess taż-żwiemel. Huwa qal li jħares ’il quddiem biex flimkien mal-awtoritajiet, inkomplu nissalvagwardjaw il-benesseri tal-annimali u t-tradizzjoni Maltija tal-karozzini.
Il-miżura se tidħol fis-seħħ permezz ta’ Linji Gwida maħruġa mid-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali skont ir-Regolament 6 tar-Regolamenti dwar l-Użu tal-Karozzini (S.L. 439.22), li se jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Dan huwa pass ieħor effettiv li jkompli juri l-impenn tal-Gvern favur standards dejjem ogħla fil-ħarsien u l-benesseri tal-annimali filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-partijiet kollha involuti sabiex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u responsabbli.

