Il-Prim Ministru Robert Abela f’appell għal azzjoni urġenti mill-UE dwar Ceuta 

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Malti Robert Abela ngħaqad ma’ 21 mexxej Ewropew, fejn talbu lill-Unjoni Ewropea sabiex tieħu azzjoni immedjata b’rabta mal-wasla ta’ eluf ta’ immigranti fil-belt ta’ Ceuta fi Spanja, li tmiss mal-Marokk.

L-ittra tal-mexxejja Ewropej intbagħtet lill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u lill-Prim Ministru Irlandiż Michael Martin, hekk kif bħalissa l-Irlanda għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-mexxejja Ewropej talbu sabiex issir laqgħa straordinarja tal-Ministri għall-Intern Ewropej.

F’din l-ittra, il-mexxejja Ewropej qalu li l-immigrazzjoni irregolari tibqa’ sfida komuni għall-Unjoni Ewropea u li teħtieġ rispons Ewropew, ibbażat fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-istati membri. Il-mexxejja Ewropej qal li s-sitwazzjoni preżenti titlob għal għaqda, id-determinazzjoni u l-urġenza.

Intqal li l-Unjoni Ewropea diġà għandha l-qafas, l-għodod u l-aġenziji meħtieġ biex tiġġieled b’mod effettiv in-networks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni irregolari u anki l-organizzazzjonijiet kriminali li jisfruttaw persuni vulnerabbli għall-profitt. Ingħad li kull stat membru għandu jibqa’ fil-kontroll ta’ min għandu d-dritt jidħol u jibqa’ fit-territorju Ewropew u le.

Il-mexxejja Ewropej esprimew is-solidarjetà tagħhom ma’ Spanja f’dan il-mument, waqt li ġie rikonoxxut l-isforzi tal-awtoritajiet Spanjoli biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni minnufih.

Din l-ittra mill-mexxejja Ewropej intbagħtet wara li fl-aħħar jiem daħlu madwar 50,000 immigrant u l-maġġoranza tagħhom intbagħtu lura lejn il-Marokk.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport