Il-Katidral ta’ Notre-Dame f’Pariġi mistenni jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-2024. Dan ħabbritu l-Ministru tal-Kultura Rima Abdul Malak il-Ħamis li għadda, tliet snin wara li s-saqaf tal-istess Katidral kien inqered minn nirien kbar.
Abdul Malak qalet li l-fażi ta’ tindif tal-proġett ta’ restawr ġiet fi tmiemha u dan ippermetta li jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid fl-aħħar tas-sajf. Il-Katidral ilu magħluq għal xogħlijiet ta’ restawr sa mill-2019.
“Ninsabu fiduċjużi li l-2024 se tkun is-sena li parti kbira minn dan ix-xogħol jitlesta, is-sena tal-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral għad-devoti u anke għall-pubbliku inġenerali,” qalet Abdul Malak meta żaret is-sit.
Ftit wara l-inċident t’April 2019, il-President Franċiż Emmanuel Macron kien qal li l-Katidral, li jmur lura għas-seklu 12, se jerġa’ jinbena u wara wiegħed li jerġa’ jinfetaħ fl-2024, meta Franza tospita l-Logħob Olimpiku.