Friday, April 26, 2024

Il-każ ta’ Alfredo Cospico ġewwa l-Italja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalissa qegħdin isiru ħafna protesti ġewwa diversi bliet Taljani minn gruppi ta’ anarkisti li huma nies li jeħduha kontra l-establishment fuq diversi temi. Dawn il-gruppi kemm-il darba jużaw metodi vjolenti sabiex jippruvaw iwasslu l-messaġġi tagħhom.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat rajna lil mijiet ta’ anarkisti jipprotestaw kontra sentenzi li ngħataw Alfredo Cospico u Anna Beniamino, żewġ mexxejja ta’ gruppi anarkisti. Min-naħa tagħhom, dawn iż-żewġ persuni qegħdin jagħmlu strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra s-sentenzi li ngħataw. Dan għaliex huma qegħdin jgħidu li s-sentenzi huma wisq ħarxa għar-reati li huma ammettew li għamlu.

Tant dan il-każ qiegħed jingħata prominenza li Alfredo Cospito u Anna Beniamino, bħalissa, qegħdin jissemmew aktar minn Matteo Messina Denaro, il-Kap tal-Mafja li ġie arrestat dan l-aħħar, f’kull sezzjoni tal-medja Taljana.

X’ġara eżatt?
Alfredo Cospito li llum għandu 55 sena u Anna Beniamino, l-eks sieħba tal-istess Cospico u li għandha 51 sena, ilhom maqfulin ġewwa l-ħabs għal numru ta’ snin. Wieħed mir-reati li qiegħed jingħad li wassluhom sabiex weħlu l-ħabs kien seħħ lura fl-2016 u li fih Cospico kien poġġa xi materjal splussiv quddiem barricks tal-armata, splussiv li meta ġie splodut mill-grupp ta’ Cospico ma weġġa’ lil ħadd. Reat ieħor li tawwal is-sentenzi ta’ priġunerija ta’ dawn iż-żewġ anarkisti kien meta Cospico għamel dik li t-Taljana jsejħulha bħala gambezione, li huwa metodu li jintuża bħala tortura meta jiġu sparati xi bullets ġewwa l-irkoppa tal-vittma, li f’dan il-każ kien diriġent ta’ kumpanija Taljana li toffri konsulenza fuq l-inġinerija nukleari. Ir-raġuni frivola li kien ta Alfredo Cospico fil-qrati għaliex għamel dan l-att imfami kien li fil-Ġappun kien hemm inċident f’impjant nukleari minħabba negliġenza ta’ xi diriġenti Ġappuniżi, dirigenti li bl-ebda mod ma kellhom xi konnessjoni privata jew professjoni mal-kumpanija tal-vittma Taljana.
Għal dawn ir-reati, Cospico u Beniamino ingħataw sentenza normali ta’ ħabs, sentenza li fiha kellhom kull dritt li normalment ikollu priġunier, drittijiet li fost affarijiet oħra jinkludu kuntatt ma’ barra l-ħabs permezz ta’ ittri u telefonati.
Milli jidher, Cospico għamel użu ħażin minn dan id-dritt u baqa’ jinstiga l-anarkija kontra l-istat Taljan. Dan wassal sabiex il-qrati Taljani irrevedew is-sentenza tal-istess Cospico u tefgħuh f’dik li hija msejħa l-41-Bis.

Il-41-Bis
Il-41-Bis hija proċedura ta’ kif ċertu priġunieri li huma meqjusa perikolużi ħafna għas-soċjetà jinżammu fil-ħabsijiet. Din il-proċedura kienet iddaħlet ġewwa l-Italja lura fis-snin tmenin u kienet l-aktar intiża għall-priġunieri li jkunu ntefgħu ġewwa l-ħabs minħabba assoċjazzjoni Mafjuża jew terroristika. L-iskop tal-41-Bis mhuwiex li tikkastiga b’mod aktar aħrax lill-priġunieri li jkunu wettqu reati gravi. Però, minħabba l-mod ta’ kif titħaddem, il-priġunier xorta jispiċċa kkastigat b’mod ħafna aktar aħrax mill-bqija tal-priġunieri.

Dan għaliex l-iskop wara l-41-Bis kien li kemm jista’ jkun, il-priġunier jinqatagħlu kull kuntatt ma’ barra l-ħabs. Dan kien sar wara li kienet ħaġa ovja li priġunieri Mafjużi kienu qegħdin ikomplu jmexxu l-attività kriminali minn ġewwa l-ħabsijiet. Saħansitra, kien hemm każi fejn instabu xi messaġġi miktuba fuq biċċiet tal-karti żgħar li kienu jiddaħħlu u jinħarġu mill-ħabs moħbijin fil-ħwejjeġ ta’ taħt ta’ ulied l-istess ħabsin meta dawn kien jmorru jżuru lill-ġenituri tagħhom ġewwa l-ħabsijiet.

Fost il-kundizzjonijiet li jkollu jaffaċċja priġunier fil-41-Bis hemm li dan ikun ġewwa ċella żgħira ħafna għal 22 siegħa fil-ġurnata, ċella li jkun fiha biss tieqa żgħira għad-dawl li ma tkunx akbar mill-perimetru ta’ ktejjeb. Is-sagħtejn li dawn il-priġunieri jkunu jistgħu jqattgħu barra jkunu gewwa bitħa żgħira mdawra permezz ta’ ħitan għoljin xi tlie sulari u msaqqfa permezz tal-ħadid bħal taċ-ċelel. Jingħad li wara snin ġewwa l-41-Bis diversi priġunieri jkollhom ħsara rreparabbli fis-sensi tagħhom, l-aktar f’dak tal-vista.

X’irid Cospico
Alfredo Cospico permezz tal-avukati tiegħu qiegħed jgħid li minħabba li r-reati tiegħu ma kinux wasslu għall-ebda fatalità, huwa ma kellux jingħata sentenza daqshekk ħarxa. Huwa għalhekk li minn Ottubru tas-sena l-oħra Cospico beda strajk tal-ġuħ, li sa issa waslu sabiex tilef xejn anqas minn 40 kilo. Skont it-tobba tiegħu, Cospico għadu ma sofriex danni rreparabbli f’saħħtu l-aktar minħabba li meta beda l-istrajk tal-guħ huwa kellu figura pjuttost qawwija meta kien jiżen madwar 120 kilo.

Però, skont l-istess tobba minn issa ‘l quddiem sejrin nibdew naraw danni f’saħħtu li eventwalment jafu jirriżultaw anke fil-mewt. Fil-fatt, milli jidher, Cospico diġà beda jkun xi naqra batut għaliex il-ġimgħa l-oħra tah xi ħass ħażin ġewwa s-shower u weġġa’ ħafif bil-waqgħa.

Protesti
Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, dan l-istrajk tal-ġuħ wassal sabiex diversi għaqdiet ta’ anarkisti bdew joħorġu fit-toroq ta’ diversi bliet Taljani u kien hemm każi fejn dawn in-nies ġew fl-idejn mal-forzi tal-ordni u kien hemm każ minnhom fejn il-protestanti tefgħu xi bombi Molotov lejn għassa tal-pulizija.

F’dawn l-aħħar jiem, dawn il-protesti ta’ solidarjetà ma’ Cospico bdew jinfirxu anke barra l-Italja fejn rajna xi niex jattakkaw ħaddiema tal-ambaxxati Taljani ġewwa Barċellona u ġewwa Ateni.

Ir-risposta tal-Istat Taljan
Iċ-ċans li l-istat Taljan iċedi għat-talba ta’ Cospico u jirtiralu l-41-Bis huwa tassew remot l-aktar meta wieħed iqis li fil-passat l-istat Taljan lanqas ċeda għar-rikatti tat-terroristi li saħansitra kellhom taħt idejhom lill-Prim Ministru Aldo Moro. Dan kollu ġie ikkonfermat minn diversi dikjarazzjoniet tal-gvern Taljan fosthom tal-Prim Ministru Giorgia Meloni.

Naturalment, il-gvern Taljan jinsab maqbud ġewwa morsa rigward x’jista’ jagħmel fuq dan il-każ. Kemm il-darba Cospico jibqa’ sejjer bl-istrajk tal-ġuħ tiegħu u eventwalment imut jista’ jigri bħalma kien ġara ġewwa l-Irlanda meta terroristi tal-IRA kienu mietu ġewwa l-ħabsijiet minħabba ċirkostanzi simili. Wara mewthom dawn il-kriminali ħadu l-istatus ta’ eroj u kienu għaqqdu lin-nies wara l-kawża tal-IRA.

Sport