Tuesday, April 23, 2024

TNAQQIS TA’ 5.4% FIR-RATA TA’ KRIMINALITÀ FL-2022

… reġistrata l-inqas rata f’aktar minn 15-il sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fis-sena 2022, Malta kellha reġistrat 14,933 reat kriminali f’popolazzjoni ta’ 533,286 persuna. Dan ifisser 5.4% inqas mis-sena 2021, u l-inqas rata ta’ reati kriminali f’iżjed minn 15-il sena.

Dan jirriżulta mir-rapport annwali dwar il-kriminalità ppubblikat mill-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa. Ir-riżultati tar-rapport tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, il-Prof. Formosa spjega li filwaqt li fl-2004 kienu reġistrati 45 reat kriminali għal kull 1,000 persuna, fl-2022 kien hemm 28 reat kriminali għal kull 1,000 persuna.

Huwa nnota wkoll kif ir-reati tal-omiċidji ta’ bejn l-2018 u l-2022 ġew kollha solvuti. Spjega li r-rata tal-omiċidji baqgħet waħda stabbli, ta’ 1.7% għal kull 100,000 persuna bejn l-2004 u l-2022.

Ir-reati ta’ serq naqsu bi 59.8% fl-2022 meta mqabbel mal-2004 u tnaqqis ta’ 47% minn dak li kien fl-2012 għall-2022. Fil-fatt jirriżulta li fl-2004 kien hemm 11,465 reat ta’ serq, fl-2012 kien hemm 8,690 u fl-2022 kien hemm 4,612.
Kien hemm ukoll tnaqqis fir-reati ta’ vjolenza fl-aħħar għaxar snin. Mir-rapport jirriżulta li fl-2022 kien hemm 361 reat ta’ vjolenza, fl-2012 kien hem 391 reat ta’ dan it-tip.

Ir-reati ta’ arsons (ħruq volontarju) naqsu b’mod drastiku fl-2022. Tnaqqis ta’ 73% minn dak li kienu fl-2004. Fil-fatt f’dik is-sena kien hemm 120 każ ta’ arson, fl-2012 kienu reġistrati 91 każ u fl-2022 seħħew 33 każ.
Intant, kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 21% fir-reati ta’ serq mid-djar. Fl-2008 kien hemm 565 każ ta’ serq mid-djar, fl-2012 kien hemm 696 każ u fl-2022 kien hemm 309 każi.

Mill-banda l-oħra kienet irreġistrata żieda fil-każijiet irrappurtati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ frodi u drogi. Fl-2022 kien hemm 469 każ ta’ frodi u 210 każi dwar droga menti fl-2012 kien hemm 243 każ ta’ frodi u 203 każi ta’ droga.

Mal-ħidma li qed issir fid-Domestic & Gender Based Violence Unit tal-Korp tal-Pulizija, u bl-għarfien dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika, qed jiżdiedu l-każijiet irrapportati u li eventwalment jispiċċaw imressqa fil-Qorti.

Jekk wieħed iħares lejn l-2008 isib li kien hemm rappurtati 450 każ dwar vjolenza domestika, b’dan l-ammont jiżdied għal 1,028 fl-2012 u 1,830 fl-2022.
Il-Prof. Formosa spjega li ma kinitx esperjenzata abnormalità fir-reati kriminali f’xi lokalità jew oħra, iżda kull lokalità qiegħda fl-istess livelli ta’ reati esperjenzati. Il-kriminalità togħla bi ftit fl-istatistika fil-Floriana, il-Belt Valletta, Bormla u ż-Żejtun.

Sadanittant, fl-istess konferenza ngħataw ukoll riżultati preliminari ta’ stħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija.

Alexia Young mill-NSO spjegat li l-istħarriġ sar bejn Mejju u Ġunju tas-sena li għaddiet, u sar fost 1,553 persuna li għandhom minn 18-il sena ‘l fuq. Mill-istħarriġ jirriżulta li 55% tal-poplu għandhom opinjoni ġenerali pożittiva dwar il-Korp mentri 36% oħra qalu li għandhom opinjoni ġenerali newtrali.

Kważi 47% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu wkoll li jixtiequ jaraw Għases tal-Pulizija aktar aċċessibbli. Dwar il-community policing, ftit aktar minn 68% tan-nies qalu li jafu x’inhu dan is-servizz. Mat-68% tal-poplu qalu li raw titjib moderat jew tajjeb fil-lokalitajiet tagħhom bil-community policing.

B’reazzjoni għal dawn ir-riżultati, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li l-mod differenti li qed jaħdem il-Korp tal-Pulizija billi fost l-oħrajn żdiedet il-preżenza tal-pulizija fil-lokalitajiet, qed tħalli l-frott mixtieq. Il-Ministru tenna li fil-fatt, il-pulizija qed ikunu iżjed fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin biex b’hekk qed tiżdied is-sigurtà fil-lokalitajiet.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li sentejn u nofs ilu kienet ippubblikata l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp fejn kien sar aċċenn li l-Korp se jkun qiegħed jagħfas aktar fuq il-fiduċja tal-poplu.

Tenna li r-riżultati mħabbra fit-tnaqqis tal-kriminalità u ż-żieda fil-fiduċja huma mertu tal-impenn u tad-dedikazzjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. “80% tal-poplu qed jgħidulna li jridu aktar pulizija fit-toroq. Dan hu dak li qegħdin nagħmlu. Qed noffru servizz aktar personalizzat fil-komunitajiet tagħna,” qal il-Kummissarju Gafà.

Sport