Waqt crime conference mmexxija mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa tħabbar li għall-ħabta ta’ nofsinhar se jitressqu l-Qorti żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija b’rabta ma’ allegat abbuż ta’ poter fil-qadi ta’ dmirjiethom.
Huwa qal li kien il-Ġimgħa 7 t’Ottubru meta ġie infurmat b’allegat użu mhux leġittimu ta’ vjolenza minn tliet uffiċjali tal-pulizija stazzjonati f’shift fl-Għassa tal-Ħamrun li allegatament
seħħ fil-konfront ta’ persuni barranin. Dan l-allegat abbuż ġie rrapportat minn uffiċjali tal-pulizija oħra. Sal-lum ma jirriżultax li xi ħadd mill-vittmi għamel rapport f’dan is-sens.
“Il-pulizija tieħu dawn ir-rapporti bl-akbar serjetà. dan sabiex ikun żgurat li l-poteri jintużaw għall-ħarsien tal-ġid komuni. Nhar il-Ġimgħa 7 t’Ottubru skattajna investigazzjonijiet kriminali fejn ġiet infurmata l-Maġiustrat tal-Għassa u nħatru esperti sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet. Tliet membri ġew arrestati l-Ġimgħa filgħaxija u wieħed minnhom iddaħħal għal osservazzjoni medika minħabba li beda jilmenta minn uġigħ. Dan tal-aħħar se jitressaq fil-jiem li ġejjin wara li jiġi rilaxxat mill-isptar”, spjega l-Kummissarju.
It-tliet uffiċjali ġew infurmati li kienu sospiżi u ġie deċiż li dawn jitressqu l-Qorti akkużati bi trattament inuman u degradanti, ħtif ta’ persuna u offiza gravi fuq persuna fost oħrajn.
Il-Kummissarju kompla biex jgħid li dak li allegatament seħħ żgur li m’għandux jirrifletti l-ħidma fejjieda li qed iwettaq il-Korp sepċjalemtn f’dik li hija governanza tajba. Huwa semma fl-aħħar sentejn ġew varati numru ta’ inizjattivi fosthom anti-fraud policy, faċilità ta’ rapporti anonimi minn uffiċjali stess, ġew introdotti body cams għall-pulizija, iddaħħlu wkoll testijiet tad-droga u l-alkoħol, Barra minn hekk, fl-aħħar xhur ukoll kompliet tissaħħaħ il-governanza tajba mhux biss bil-policies imma anke b’taħriġ kontinwu lill-membri tal-korp tal-pulizija. “Korp tal-Pulizija ma jittollera l-ebda abbuż ta’ poter mill-membri tiegħu”, tenna Gafa.
Mistoqsi min dan is-sit rigward il-ġrieħi li sofrew l-allegati vittmi, il-Kummissarju qal li minkejja li ma jidhirx li huma ġrieħi serji, iżda jirriżulta li waħda mill-akkużi se tkun ta’ offiża gravi.