Tuesday, December 24, 2024

Il-KE sodisfatta bl-istudji tal-Gvern dwar it-trasport tal-massa

Aqra wkoll

Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina Valean laqgħet b’sodisfazzjoni l-istudji kkummissjonati mill-Gvern Malti dwar it-trasport tal-massa inkluż dak tal-metro. Dawn l-istudji ġew ippreżentati lill-Kummissarju Valean mill-Ministru Ian Borg waqt laqgħa bejniethom fi Brussell.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrasruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg spjega li f’dawn l-aħħar snin matul din il-leġiżlatura, il-Gvern Malti kien wiegħed lill-poplu li se jkun qed jibda jistudja l-possibbiltà li għall-ewwel darba pajjiżna jkollu trasport tal-massa. Huwa qal li l-gvern qabbad lill-esperti ARUP sabiex jistudjaw liema huwa l-aħjar mezz ta’ trasport tal-massa għal Malta, u dawn għażlu l-metro.

Il-Ministru Borg spjega li bħalissa f’Malta għaddejja diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett li permezz tagħha l-gvern fiż-żmien li ġej se jkun qed jieħu d-deċiżjoni dwar it-triq ‘il quddiem.

B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Kummissarju Ewropew Adina Vălean spjegat li l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon dan l-istudju għall-fatt li jidher biċ-ċar li l-Gvern Malti qed jesplora l-possibbiltajiet kollha biex ikompli jagħmel is-settur tat-trasport aktar sostenibbli. 

Il-Kummissarju Vălean ukoll idduskutiet mad-delegazzjoni Maltija x-xogħol li qed isir mill-awtoritajiet Maltin biex jiġi inċentivat l-użu ta’ vetturi elettriċi u t-trasport alternattiv, fosthom dak bil-baħar.

Matul din l-istess laqgħa ġew diskussi suġġetti oħra bħal xogħol infrastrutturali li qed isir f’Malta u l-impenn ta’ Malta fis-setturi tat-trasport bil-baħar u bl-arju.

Ekonomija

Sport