Thursday, April 18, 2024

“Il-KE tat opinjoni pożittiva dwar il-budget għas-sena d-dieħla” – il-PM Robert Abela

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela b’sodisfazzjon ħabbar li l-Kummissjoni Ewropea tat opinjoni pożittiva ħafna dwar il-budget li ġie mħabbar ftit tal-ġimgħat ilu għas-sena d-dieħla. F’rakkomandazzjoni esperta uriet li taqbel mat-tbassir tal-Gvern fejn jidħol tkabbir ekonomiku, żiedet li taqbel mal-miri fiskali kif imħabbra fil-budget u indikat ukoll li l-esperti tagħha huma tal-opinjoni li dak imħabbar fil-budget jista’ jintlaħaq.

Huwa qal dan waqt intervista l-Ħadd filgħodu fejn fost l-oħrajn tkellem dwar diversi temi importanti fosthom l-edukazzjoni, l-importanza tat-teħid tal-vaċċin, l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni u l-ambjent.

Filwaqt li appella lill-istudenti biex jibqgħu jinvestu fihom infushom, hekk kif dan huwa l-aqwa investiment, Abela qal li l-obbligu tal-istat huwa li jipprovdi l-aqwa opportunitajiet għall-edukazzjoni lil kulħadd imma mbagħad dawn jissarfu f’opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. 

Fakkar kemm kien qed jiġi mbassar li se jkun hemm possibilment sa 50,000 persuna jew iktar li setgħu jispiċċa bla xogħol. Hawnhekk innota li l-Oppożizzjoni daħlet ċertu element ta’ biża’ u qtigħ ta’ qalb. 

Semma kif minkejja dan it-tbassir, illum dawk li jinsabu fuq ir-reġistru ta’ qgħad huma biss 1,254 persuna. “Taf kemm kienu l-persuni bla xogħol waqt żmien l-Oppożizzjoni? Aktar minn sitt darbiet ta’ din iċ-ċifra,” qal Abela filwaqt li qal li l-edukazzjoni u x-xogħol huma żewġ pilastri importanti.

Dwar il-pandemija, Abela qal il-fatt li f’dawn l-aħħar xhur irrnexxielna ngħixu qrib in-normalità huwa minħabba l-fatt li kelna suċċess ta’ kif ġie amministrat l-vaċċin.  Qal li fejn għandek pajjiżi li waqgħu lura fir-rata ta’ vaċċinazzjoni, hemmhekk hemm sitwazzjoni fejn l-unika ħaġa li jistgħu jagħmlu l-gvernijiet huma li jżidu r-restrizzjonijiet. Rigward pajjiżna, qal li f’dawn l-aħħar xhur kelna rata stabbli kemm ta’ nies li daħlu l-isptar u iktar u iktar dawk il-persuni li qed jirċievu kura fl-ITU.

Irrefera għall-fatt li madwar l-Ewropa rajna li bis-saħħa tal-vaċċin kien hemm nofs miljun ħajja li ġiet salvata. F’dan ir-rigward, Abela sostna li huwa kruċjali t-teħid tal-booster u ħeġġeġ biex kull min jirċievi l-appuntament jaċċetta din l-istedina biex nippreservaw dak li għandna. Apparti minn hekk huwa appella għar-responsabbiltà biex kulħadd jibqa’ josserva l-ftit miżuri li għadhom fis-seħħ. 

Tkellem dwar il-fatt li l-gvern ħa deċiżjonijiet b’mod tempestiv fosthom semma deċiżjoni minnhom li ttieħdet din il-ġimgħa dwar il-waqfien tal-ivvjaġġar minn pajjiżi Afrikani fl-isfond tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19. 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kannabis u l-liġi li qed tiġi proposta. Qal li ma riedux iżjed li jkollna soċjetà li trid tiġġudika lil ħaddieħor jew li nitrattaw ta’ kriminali lil persuni li mhumiex għax qal li min ikollu joint għall-użu personali mhuwiex kriminal. Qal li riedu wkoll li jagħmlu l-bilanċ jiġifieri mhux li jagħmlu liġi li qisu tibgħat messaġġ li qisu qed tinċentiva l-użu tal-kannabis, anzi l-kontra. “Jew ikollna riforma fil-liġi inkella se jibqa’ jkollna persuni li se jibqgħu jkollhom il-kondotta tagħhom imtebba’ u se jibqgħu jitilfu l-opportunitajiet milli javvanzaw fil-ħajja,” qal Abela filwaqt li fakkar li għal din ir-riforma għamlu konsultazzjoni pubblika wiesa’ fejn kien hemm 350 entità li tat il-kontribut validu.

Tkellem dwar l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni fejn fi kliemu turi x’kapaċità għandha biex tieħu deċiżjonijet maġġuri għall-pajjiiż. “Jien nitbissem meta l-Oppożizzjoni titkellem dwar l-inkonsistenza għax l-unika ħaġa konsistenti hija l-inkonsistenza tagħha fuq kull suġġett. L-inkonsistenza li uriet l-Oppożizzjoni fuq il-liġi tal-kannabis hija xi ħaġa li timmeraviljak,” qal Abela.

Dwar l-ambjent qal li qed juru b’mod ċar li mhux qed jitkellmu biss imma l-kliem qed isostnuh bil-fatti. Qal li din hija differenza bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni fejn meta l-Oppożizzjoni kienet fil-gvern, Abela qal li din ħadet l-agħar deċiżjonijiet ambjentali.

Ekonomija

Sport