Tuesday, April 30, 2024

“Il-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl ma nbidilx… mill-2013 raħsu b’25 fil-mija” – il-Ministru Miriam Dalli

Issostni li l-implimentazzjoni tat-tieni interconnector mhijiex alternattiva minħabba żieda fid-domanda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sena mill-bidla fl-irwol tagħha, il-Ministru  sostniet ma’ dan is-sit li l-istil ta’ ħidma ma nbidilx u li xogħolha baqa’ li tisma’, tikkonsulta u timplimenta. F’intervista ma’ talk.mt, Dalli kellmitna dwar is-snin sbieħ tal-ħidma tagħha f’isem pajjiżna fil-Parlament Ewropew u li għalkemm hemm kumitati bi sepeċjalizzazzjonijiet varji; bħalma huma fost l-oħrajn l-enerġija, l-ambjent, is-saħħa u d-drittijiet, tispiċċa tmiss mas-setturi kollha minħabba liġijiet li l-membri jivvutaw dwarhom.

“Kienet ħidma fejn rajt li nġib l-aħjar interess tal-pajjiż fl-oqsma differenti, speċjalment waqt negozjati ta’ liġijiet fejn il-pajjiżi iżgħar jkunu se jmorru minn taħt”, kompliet tgħid il-Ministru. Mitluba tqabbel bejn iż-żewġt irwoli, Dalli qalitilna li l-ħidma hija differenti għax l-ħidma tagħha fl-aħħar xhur kienet kompletament iffukata fuq Malta.

Introduzzjoni ġdida li se tkun ġusta għal kulħadd

Tkellimna dwar oqsma varji, iżda ma stajniex ma niċċarawx waħda mid-domandi li bħalissa tinsab fuq fomm diversi ċittadini. Fl-aħħar ġimgħat kien hawn minn ilmenta li l-kontijiet tad-dawl kienu qegħdin jiġu għaljin aktar min-normal u saħansitra kellek il-Kap tal-Oppożizzjoni jallega li dan il-gvern qiegħed “jisraq lin-nies”. Meta mistoqsija dwar jekk kienx hemm xi tibdil fil-mod kif jinħadmu, Dalli sostniet li kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali fir-rapport uffiċjali tiegħu, il-mod kif jinħadmu l-kontijiet ma nbidilx. L-unika bidla li saret mill-2013 ’il quddiem kienet li dawn il-kontijiet roħsu b’25%. Hija żiedet tgħid li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-liġi li hemm fis-seħħ illum; li fuqha jinħadmu l-kontijiet, daħlet fl-2009. “Dan huwa kliem l-Awditur: “Practices adopted by the utilities’ corporations and ARMS have always been based on pro rata basis” u li “all workings were found to be correct””, ikkwotat Dalli.

Intant il-Ministru qalet li huwa fatt li hemm każ il-Qorti minħabba interpretazzjonijiet differenti dwar il-metodoloġija. Minkejja dan, il-ħidma ma waqfitx hemm u wara kritika relatat ma’ din is-sistema u l-opinjoni tan-nies dwarha, tħabbret sistema ġdida li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqha u li hija ġusta għal kulħadd mingħajr ma tolqot b’mod negattiv lill-ebda klijent. Biex din is-sistema tkun tista’ tiġi introdotta, se ssir ukoll bidla fil-liġi.

Sena rekord ta’ konsum ta’ enerġija

Il-Ministru kkonfermat magħna li din is-sena kien hemm rekord ta’ enerġija użata fil-pajjiż, iżda ħeġġet lin-nies biex jiċċekkjaw il-kontijiet tagħhom u jekk jibqgħu f’dubju, il-kumpanija ARMS dejjem disponibbli biex tirrispondi.

Dwar il-konsum fl-aħħar xhur, hija kompliet tgħid li matul il-mewġa tas-sħana li kellna fis-sajf, id-domanda għall-elettriku tant żdiedet li qabżet il-565MW. Aktar mir-rekord fid-domanda li ġiet reġistrata fl-2019 meta dakinhar id-domanda telgħet għal 510MW. “Biex nifhmu kemm hu dan l-ammont, żieda ta’ 55MW li tiswa daqs il-load ta’ enerġija li jikkunsmaw il-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Ħamrun u Santa Venera at any one point in time”, tgħid ma’ din il-gazzetta Dalli.

Dan kien ukoll riżultat tal-effett ta’ sħana qawwija u t-temperaturi għoljin li laqtu ’l-Mediterran u żieda fl-attività ekonomika hekk kif aktar negozji komplew jieħdu r-ruħ wara l-pandemija.

Id-domanda għall-elettriku se tkompli tiżdied

Sal-lum pajjiżna għandu 200MW ta’ enerġija li ġejja minn sorsi rinnovabbli. 550MW oħra ġejjin minn sorsi oħra li huma l-impjanti li jaħdem bl-LNG u l-interconnector. Pajjiżna se jibqa’ jikber u jidher li qiegħed jirkupra b’saħħtu mill-pandemija. Matul dan il-proċess, il-gvern Malti għaddej b’ħidma jkompli jattira l-investiment b’mod sostenibbli. Ħidma biex ikollna aktar karozzi li ma jniġġsux fit-toroq tagħna u investiment biex ikollna teknoloġija ta’ shore-to-ship biex inaqqsu l-emissjonijiet mill-portijiet tagħna.

Sa mill-għada li tħabbar il-proġett tat-tieni interconnector mal-Italja, saru laqgħat u negozjati b’determinazzjoni li dan il-proġett ikun suċċess. Baqgħu għaddejjin l-istudji neċessarji sew f’Malta u anke l-Italja biex isiru l-permessi meħtieġa fiż-żewġ pajjiżi. 

Mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea saru negozjati biex ddaħħlet deroga ħalli pajjiżna jkollu l-opportunità li jinvesti f’hydrogen-ready pipeline. Minn hemm ġew sottomessi l-istudji dwar l-impatt ambjentali fiż-żewġ pajjiżi.

Staqsejna lill-Ministru jekk it-tieni interconnector huwiex alternattiva għall-bini ta’ impjant ieħor lokali. “L-implimentazzjoni tat-tieni interconnector mhijiex ‘alternattiva’, hija deċiżjoni biex dejjem nippreparaw u nilqgħu għad-domanda li dejjem qed tiżdied. Nafu li se jkollna domanda akbar, għalhekk ġie deċiż li l-proġett li jmiss għandu jkun interconnector ieħor bejn Malta u Sqallija.  Il-proġett se jkun kemm jista’ jkun indipendenti mill-ewwel interconnector u se jkun hemm miżuri biex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta’ inċidenti simili għal dak tal-passat”, kompliet telabora Dalli.

Relatat ma’ dan il-proġett għaddejjin studji biex jiġi identifikat kuritur li jkun ‘il bogħod biżżejjed mill-ewwel rotta, imma fl-istess ħin tinżamm il-flessibilità biex teknikament naħdmu  biż-żewġ interconnectors flimkien. Wara li jiġi identifikat dan il-kuritur, ikun imiss li jsir survej tal-qiegħ tal-baħar sabiex tiġi identifikata l-aħjar rotta.

Aqra iktar: “Jeħtieġ nbiddlu l-mentalità fejn jidħlu l-għażliet tal-mobbilità”

Sport