Tuesday, April 30, 2024

“Jeħtieġ nbiddlu l-mentalità fejn jidħlu l-għażliet tal-mobbilità”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervista ma’ dan is-sit ftit jiem wara l-ewwel anniversarju mill-ħatra tagħha fil-Parlament Malti tkellimna mal-Ministru Miriam Dalli fejn bħala Ministru li taħt il-portafoll tagħha hemm is-sostenibbilità, staqsejniha dwar l-ammont ta’ vetturi f’pajjiżna li jammontaw għal kważi 400,000 u jekk hijiex għaddejja ħidma dwar proposti bil-għan li jonqsu l-vetturi mit-toroq. Min-naħa tagħha hija wieġbet li qegħdin ikomplu jinħarġu inizjattivi biex il-poplu jkun imħeġġeġ juża modi alternattivi ta’ trasport. Fost dan insibu l-car free day li matulhom l-pjazez f’diversi rħula jkunu magħluqa għal karozzi u jinfetħu għat-tgawdija tar-residenti. 

Rigward il-proposta tal-Malta Metro hija qalet li tħares ’il quddiem b’pożittività, iżda li sakemm naslu jeħtieġ li l-poplu jibda jirrivolvi għal alternattivi bħalma huma l-e-bikes, scooters, pedalacs, car sharing u car pooling. “Ir-realtà hi li drajna wisq bil-karozza. Xi drabi anke meta nafu li sejrin xi mkien 10 minuti bogħod biss ukoll nużaw il-karozza. Bħalma qed ndaħħlu bidla fil-mentalità fejn jidħol l-użu tal-plastik, irridu bl-istess mod  nintroduċu bidla fil-mentalità fejn jidħlu l-għażliet tal-mobbilità”, Sostniet il-Ministru.

Sidien ta’ vetturi elettriċi jistgħu jikkonfermaw il-benefiċċji tagħhom

Staqsejniha wkoll dwar iċ-charging pillars u jekk taħsibx li n-nies huma mentalment ippreparati biex jaqilbu għal karozzi elettriċi. Spjegat li jeħtieġ li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Il-Gvern qed joħroġ fost l-aktar għotjiet favorevoli biex jaġevola l-bidla għal vetturi elettriċi għax konxju li dawn il-vetturi huma aktar għaljin. Sal-aħħar tas-sena se jkunu ġew installati 130 charging pillar ġdid. Dan ifisser li s-sewwieqa se jkollhom total ta’ 362 charging point, b’ambizzjoni li dawn jiżdiedu b’1,200 point oħra fi tliet snin. 

Tnediet il-mobile app ‘charge my ride’ li biha s-sewwieq ikun jaf liema charging point hija disponibbli fil-viċinanzi. Sa issa din l-app diġà għandha 570 user reġistrat. 

Is-sistema l-ġdida ta’ ‘Plug n Charge’ toffri rati aktar baxxi għal charging. B’sempliċi reġistrazzjoni, sewwieq jista’ juża’ sistema ta’ pay-as-you-go. “Sabiex nagħti eżempju, jekk wieħed jiddeċiedi li jiċċarġja l-karozza minn fast charger waqt ħin off-peak u jikkonsma 50 units, se jħallas madwar €9 għas-servizz tal-units u xejn aktar. Filwaqt li dan jiddependendi mit-tip ta’ karozza, qed niktellmu fuq medja ta’ 300 km li  jiswew €9. Jiġifieri inqas minn nofs ta’ dak li tikkonsma vettura li taħdem bil-petrol jew diesel. Persuna li ssuq medja ta’ 50 kilometru kuljum, tonfoq mat-€30 fil-ġimgħa fi fjuwil. B’vettura elettrika, l-istess ammont ta’ vjaġġar jiġi jiswa madwar €13 fil-ġimgħa. Dan ifisser aktar flus fil-but, filwaqt li nkunu qed inħarsu s-saħħa u l-ambjent”, spjegat il-Ministru.

B’mod kollettiv nistgħu naslu ferm aktar fejn jidħol tibdil fil-klima

Is-suġġett tat-tibdil fil-klima huwa x’aktarx fuq l-aġenda minħabba sitwazzjoni allarmanti diskussa wkoll fil-COP 26. Il-Ministru fakkret li bħala gżira mdawra bil-baħar, l-attività ekonomika ta’ Malta hija wkoll ikkonċentrata madwar il-kosta; fosthom attrazzjonijiet turistiċi, ristoranti, spazji rikreattivi kif ukoll residenzi għal matul is-sajf.

Li jogħla l-livell tal-baħar, in-nixfa, l-għargħar, il-heatwaves huma fost effetti tat-tibdil fil-klima li jistgħu jħallu mpatt negattiv f’pajjiżna u għalhekk importanti li n-nies jifhmu minn fejn ġej l-effett tat-tibdil fil-klima u x’jista’ jsir fuq livell kollettiv. “Rajna pubblikazzjoni ta’ l-aktar baġit ambjentali li qatt kellu pajjiżna. Għalhekk, bil-proposti tagħna  qed nindirizzaw l-impatt tat-tibdil tal-klima, però b’mod kollettiv nistgħu nagħmlu differenza ferm ikbar u għandna fejn naħdmu aktar”, appellat il-Ministru.

76 proġett b’investiment ġdid ta’ €61 miljun u ħolqien ta’ 1,340 karriera

Sal-aħħar ta’ din is-sena, grazzi għal Malta Enterprise, se tkun ngħatat għajnuna lin-negozji li tlaħħaq is-€654 miljun f’Wage Supplement. 

Lil hinn mill-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministru tenniet li dak li jimlieha b’kuraġġ huwa dak li jgħidu l-imsieħba soċjali, in-negozji u l-intrapriżi, min iħaddem u l-ħaddiema nfushom. “M’iniex qed ngħid li kollox ward u żahar imma li hu biċ-ċert huwa li l-Gvern Malti ta fost l-aktar pakketti ta’ għajnuna lin-negozji biex jgħinhom fl-agħar żminijiet tal-pandemija. Ma komplejniex biss bl-assistenza, imma rajna li noħorġu skemi li jgħinu lill-kumpaniji jirriġeneraw ukoll iċ-‘Change to Grow’, ir-‘Restart’, l-‘iSmart and Sustainable Scheme’, spjegat Dalli dwar l-id ta’ ħbiberija li dan il-gvern kien kapaċi jagħti lin-negozji fi żminijiet tant ibsin. 

Sa Ottubru, il-Malta Enterprise approvat xejn anqas minn 76 proġett li jinkludi espansjonijet ta’ kumpaniji stabbiliti f’pajjiżna li għandhom fiduċja f’dan il-pajjiż, proġetti ġodda lokali u anke kumpaniji li resqu lejn pajjiżna għall-ewwel darba. Dan ifisser investiment ġdid ta’ €61 miljun u l-ħolqien ta’ 1,340 karriera ta’ kwalità. L-akbar settur li fih qed isir investiment huwa dak diġitali u tekniku bi 30% tal-proġetti ġejjin minn dawn is-setturi. 

Rigward is-settur tal-manifattura, hija spjegat li dan kien safa abbandunat taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, iżda grazzi għall-ispalla ta’ gvern Laburista dan baqa’ s-settur l-aktar reżiljenti matul il-pandemija. 23% tal-investimenti filfatt saru f’dan il-qasam li qiegħed ikompli joffri karrieri ta’ kwalità. 

€33 miljun fil-bwiet tan-negozji tal-familja bejn l-2018 u l-2020

Rigward l-iskema tas-suċċessjoni tan-negozji tal-familja, Dalli ddeskriviethom bħala s-“sinsla” u żiedet tgħid li dawn qed jingħataw l-għajnuna u sostenn meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jikkompetu aħjar ma’ negozji oħra. “Bejn l-2018 u l-2020, in-negozji tal-familja ħallejnihom aktar minn €33 miljun fil-bwiet tagħhom. Qed nassiguraw a smooth transition minn ġenerazzjoni għal oħra – għax rajna l-problemi li jinħolqu meta ma jkunx hemm ippjanar ta’ suċċessjoni minn qabel”, żiedet tgħid.

Ġew irreġistrati wkoll 1,136 kuntratt għat-trasferiment tan-negozji minn membri tal-familja għall-ġenerazzjoni l-ġdida. Dan grazzi ghal inċentivi fuq it-trasferiment tan-negozju tal-familja inter vivos, inċentivi fiskali, tax credits u inċentivi oħra li għandhom l-għan li jgħinu lil dawn in-negozji. 

Aqra aktar: “Il-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl ma nbidilx… mill-2013 raħsu b’25 fil-mija” – il-Ministru Miriam Dalli

Sport