Friday, April 19, 2024

Żagħżugħa li qed tistenna tarbija titpoġġa fuq probation minħabba serq

Aqra wkoll

Żagħżugħa Maltija ta’ 23 sena li tinsab fi stadju avvanzat ta’ tqala tpoġġiet taħt ordni ta’ probation wara li ammettiet li flimkien ma’ persuni oħra, serqet ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra minn residenza f’Ħal Qormi.

Il-każ seħħ nhar l-10 ta’ Novembru li għadda. Fil-Qorti ntqal li l-imputata għenet lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha u rnexxielhom jidentifikaw terzi li għamlu dan l-allegat serq.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-mara għandha problema tad-droga u ssuġġerixxiet li tingħata sentenza li tgħinha biex toħroġ minn dan il-vizzju. Kien hawn fejn l-Uffiċjali Prosekuturi nnotaw li f’din l-aħħar ġimgħa, waqt li kienet qiegħda tiġi segwita, il-kambjament li raw fiha kien wieħed tajjeb ħafna.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima sabitha ħatja tal-akkuża miġjuba kontra tagħha u wara li kkunsidrat il-mertu tal-każ kif ukoll is-sitwazzjoni personali tal-imputata, poġġietha taħt ordni ta’ probation kif ukoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Kevin Pulis. L-Avukat Ramon Bonett Sladden deher għall-imputata.

Sport