Sas-6 ta Novembru l-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi ma kienux jafu jekk Jeremy Harbinson kienx irritorna lura lejn ir Renju Unit. Dan sar magħruf lbieraħ filgħodu waqt xhieda mogħtija mill-avukat Sean Xerri de Caro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f ‘kawża miftuħa minn numru ta’ akkużati fil-każ Vitals, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, b’rabta ma’ ordnijiet ta’ iffriżar tal-assi fil-konfront tagħhom.
L-ImĦallef Edwina Grima, li quddiemha qed jinstemgħu il-proċeduri, esprimiet sens ta frustrament u waqt li fakkret li suppost il-proċeduri quddiemha ingħalqu fi żmien sebat ijiem, irrimarkat li minflok ‘we are going round in circles.’.
L-avukat Xerri de Caro informa wkoll lill-Qorti li mis-6 ta Novembru sa llum hu ma kienx informat jekk Harbinson ġiex notifikat li qed jintalab jixhed quddiem il-Qorti Maltija f’seduta li se ssir fl-1 ta’ Diċembru.
L-avukatessa Kathleen Grima qalet li la ma hemm ebda evidenza li Harbinson irritorna lura lejn ir-Renju Unit, allura ma nafux jekk jiġi nnotifikat fl-indirizz tiegħu fl-Irlanda ta’ Fuq, dan hux se jwassal sabiex huwa effettivament jattendi għall-proċeduri mitluba.
Għal rimarka ta’ Dr Grima li jekk Harbinson mhux ġej jixhed fi proċeduri oħrajn mhux ġej jixhed fil-proċeduri dwar il-freezing orders, l-Imħallef Grima minn naħa tagħha qalet li kienet saret talba u anki ħarġet notifika biex Harbinson jixhed fis-seduta ta’ llum waqt li fl-istess ħin stqarret li jekk hemm bżonn il-proċeduri quddiemha jitpoġġew ‘sine die’ biex wieħed jara x’se jiġri fil-proċeduri oħra dwar il-każ Vitals.
L-avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat saħaq li l-Qorti għandha d-dover li tiżgura li d-drittijiet ta’ kulħadd jiġu salvagwardjati. Fakkar li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddeċieda fuq il-‘freezing orders’ mingħajr qatt ma ta ġustifikazzjoni dwarhom.
Żied li mhux aċċettabli li huwa bħala avukat tad-difiża qed jintalab li jekk Harbinson jixhed, ikollu jgħaddilu l-mistoqsijiet bil-quddiem, xi ħaġa li l-Qorti qablet miegħu li ma ssirx. L avukat Galea saħaq li huwa x-xogħol tal-prosekuzzjoni li ġġib lil Harbinson jixhed u appella lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jagħti każ tad-drittijiet konvenzjonali u kostituzzjonali ta’ Dr Muscat.
L-avukat Franco Debono qal li biex ma jibqax jinħela l-ħin, il-Qorti għandha żżomm quddiem għajnejha li Harbinson diġa ddikjara f’affidavit li ma jridx jixhed.
L-Imħallef Grima talbet lill-avukati tad-difiża jindikawha xi jridu għax jekk ma kienx se jsir dan, hija ma kenitx se tieħu deċiżjonijiet. Il-kawża ġiet differita għall-14 ta Jannar, bl-avukati mitluba jibagħtu t-talbiet tagħhom bil-miktub.
