Wednesday, April 24, 2024

Covid-19: Iktar restrizzjonijiet fl-Olanda wara żieda rekord fil-każi

13 mis-61 persuna li waslu riċentament fuq żewġ titjiriet mill-Afrika ta’ Isfel jinstab li huma pożittivi għall-varjant il-ġdid

Aqra wkoll

Daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet aktar stretti fl-Olanda, fid-dawl ta’ rekord ta’ każi ta’ Covid-19 u tħassib dwar il-varjant il-ġdid Omicron.

Minn tal-inqas għat-tliet ġimgħat li ġejjin, postijiet kulturali u dawk ta’ ospitalità, bħal kafetteriji, mużewijiet u ċinema jridu jagħlqu sal-5.00 p.m. 

L-awtoritajiet tal-pajjiż qegħdin iqisu dawn il-miżuri bħala kruċjali biex jipproteġu milli jkun hemm ammont kbir ta’ każi fl-isptarijiet. 

Sadanittant, fl-aħħar sigħat 61 persuna kienu qed jiġu ttestjati għall-varjant il-ġdid. Dawn kollha waslu riċentament fuq żewġ titjiriet mill-Afrika ta’ Isfel, fejn aktar kmieni dan ix-xahar instab għall-ewwel darba l-varjant Omicron.

Il-Ħadd wara nofsinhar tħabbar li minn dawn il-passiġġieri instab li kien hemm 13 minnhom li rriżultaw pożittivi għall-varjant Omicron. Wara li ħabbar dawn il-każijiet, il-Ministru tas-saħħa Olandiż wissa li jista’ jkun hemm aktar każijiet tal-varjant il-ġdid fil-pajjiż.

Pajjiżi Ewropej oħra, inkluż ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja, diġà sabu każijiet tal-varjant il-ġdid.

Il-passiġġieri li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 ħaduhom f’lukanda qrib l-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam biex jagħmlu l-kwarantina.

Dawk li rriżultaw negattivi ġew mitluba jiżolaw lilhom infushom id-dar tagħhom għal ħamest ijiem u jagħmlu aktar testijiet.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li dan il-varjant huwa “ta’ tħassib”, bl-ewwel evidenza tissuġġerixxi riskju ogħla ta’ infezzjonijiet mill-ġdid. Għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jipprojbixxu titjiriet minn u lejn l-Afrika ta’ Isfel u diversi nazzjonijiet ġirien.

Sport