Thursday, March 28, 2024

Attakk fuq l-Ispeaker li “saħħaħ id-demokrazija Parlamentari”

… l-attakk inbeda wara diskors li l-Ispeaker għamel f’attività Nazzjonalista

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat rajna kif bdew movimenti biex tibda pressjoni fuq l-Ispeaker tal-Kamra tal-Parlament, Anġlu Farrugia biex dan jirriżenja. Dawn il-movimenti mistennija jkompli fil-jiem li ġejjin, u dan billi bħal ma ġara  proprju sentejn ilu, se jerġgħu jkun hemm protesta f’Bieb i-Belt quddiem il-Parlament, din id-darba marbuta għar-riżenja tal-Ispeaker.

Dan is-sit hu infurmat minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom li dan l-attakk li qed isir fuq l-Ispeaker, inbeda proprju fl-aħħar jiem wara li l-istess Speaker Anġlu Farrugia attenda attività Nazzjonalista organizzata mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi. Mistieden għaliha kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech u   Lawrence Gonzi, li hu eks Speaker u eks Prim Ministru. L-Ispeaker ta’ rendikont dettaljat tax-xogħol li wettaq l-uffiċċju tiegħu. Mhux biss imma waqt li semma l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hu semma ukoll il-qtil ta’ Karin Grech, li ma naqasx li jsemmi li hu l-uniku qtil politiku dikjarat mil-Qorti.

Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt qalulna li “l-Parlament Malti minn dejjem kellu Speakers ta’ stoffa u li imxew b’impazjalità. L-istess jista’ jingħad għal Anġlu Farrugia. Wieħed irid jgħid imma li “l-isfont tal-Korp tal-Pulizija u l-fatt li hu ukoll avukat, wasslu biex taħt it-tmexxija tiegħu anke minħabba ċirkostanzi li inqalgħu rajna tibdil li saħħaħ id-demokrazija Parlamentari. Jekk qed titkellem fuq il-Kumitat għall-Istandards, dan bla tlaqlieq ta’ xejn trid tattrribwixxieh għal ħidma li għamel l-Ispeaker Anġlu Farrugia. Ma ninsewx li kien hemm żmien meta minkejja li l-Kummissarju tat-Taxxa huwa obbligat li jibgħat ir-return tal-Membri tal-Parlament lill-Ispeaker biex għall-inqas ikun hemm id-dikjarazzjoni tal-assi u r-return tat-taxxa u wieħed ikun jista’ jara l-affarijiet, din ma kenitx qiegħda ssir għar-raġuni li kienet proċedurali. Kif faqqa’ l-iskandlu tas-Swiss Leaks, l-Ispeaker kien ħatar l kummissjoni interna. Dan wassal biex twaqqaf kumitat u minn dan kien ħareġ il-Kumitat dwar l-iStandards Pubbliċi u li jiġi maħtur Kummissarju dwar l-iStandards.

L-istess sors qalilna li “ma nistgħux nieqfu hawn u ma nsemmux li dan hu kumitat li fih il-membri tal-Oppożizzjoni u tal-Gvern għandhom l-istess membri, xi ħaġa li kien insistu fuqha ħafna l-Ispeaker Anġlu Farrugia.”

Is-sorsi tagħna qalulna li “l-ħidma għat-tisħiħ tad-demokrazija Parlamentari toħroġ ukol mill-aktar ċara fejn tidħol l-awtonomija Parlamentari. Sa ftit tas-snin ilu, il-Parlament kien jiddependi mill-Gvern tal-ġurnata jekk jagħtihx il-fondi għal per eżempju riċerka. Illum, hemm awtonomija sħiħa.    Ma ninsewx ukoll li l-Ispeaker  semma leħnu diversi drabi fuq li jkun hemm id-dritt taċ-ċittadini biex iwieġbu għal diskors li jkunu saru fuqhom fil-Parlament. Filfatt hu tkellem diversi drabi dwar il-privileġġ Parlamentari”.

Id-diskors tal-Ispeaker jidher li ma niżitx tajjeb

Is-sors qalilna li “jidher li d-diskors li l-Ispeaker Anglu Farrugia għamel f’din l-attività Nazzjonalista ma niżilx tajjeb u għalhekk mhux sorpriża issa dan l-attakk fuqu”.

Fid-diskors tiegħu, Dr Farrrugia iddikjara li “meta sirt Speaker jien, fl-2013, għax issemmiet il-corrupt practice,  ovvjament ftit wara kelli kawża tal-corrupt practice u l-istorja jafha kulħadd hawnhekk.  Meta sirt Speaker, waħda mill-affarijiet li kienet tinkwetani, hija li l-Ispeaker kien id-depożitarju, jiġifieri jpoġġulek id-dikjarazzjoni tal-assi kull wieħed li hemm fil-Parlament, Gvern u Oppożizzjoni, inti jkollok il-karti ta’ dak li jpoġġulek, Din hija xi ħaġa li meta rajtha jien għedt: Imma x’sens fiha li tagħmel dikjarazzjoni tal-assi u ma tista’ tagħmel xejn ħlief li toqgħod tħares lejha ċċassat? Issa kif jaf kulħadd jien għandi background legali, kont fil-Pulizija u l-ħajja pubblika tiegħi kulħadd jafha. Allura d-domandi stajt nagħmilhom aktar faċli għal dak li qed nara.”

‘Kien hemm min nesa li kellu l-flus barra’

Dr Farrugia qal ukoll li “meta kont Speaker  kien ħareġ l-iskandlu tas-Swiss Leaks fejn kellna membri parlamentari, huma min huma, li min kellu €2 miljuni, min kellu €600,000 f’bank, min nesa li kellu l-flus barra. Għalhekk jien ħassejt il-ħtieġa bħala Speaker li nagħmel kummissjoni interna u din mexxejtha jien biex nagħmlu l-affarijiet sew.   Stajna nimxu biex xi ħadd – issa jekk hux l-Ispeaker, xi ħadd – ikollu l-poteri li jinvestiga l-abbuż fid-dikjarazzjoni tal-assi, jekk ikun hemm abbuż, u anke fuq il-ħajja pubblika. Wasalna biex ngħidu li hemm bżonn nagħmlu Kumitat dwar l-iStandards Pubbliċi u li jiġi maħtur Kummissarju dwar l-iStandards.”  

Fil-Greċo… staqsejt sakemm tista’ tkun donazzjoni

L-Ispeaker fl-attività Nazzjonalista enfasizza li “jien mort il-GRECO, jiġifieri l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa li jiġġieled il-korruzzjoni tal-politiċi, prosekuturi, imħallfin, eċċ. fejn għedtilhom jagħtuni definizzjoni x’għandi ndaħħal f’’dokument dwar xi tfisser donazzjoni u  sakemm tista’ tkun donazzjoni.  Meta ġie Schultz hawnhekk,  li kien il-President tal-Parlament Ewropew, niftakar li tani platt li għadu fl-uffiċċju tiegħi – kif jaf kull min ikun Speaker li jirċievi dan ir-rigal u jpoġġihom fl-uffiċċju – u qalli:  ‘dan ma jqumx iktar minn €100 għax sa hawn nistgħu naslu aħna.’.   Din id-definizzjoni ma daħlet qatt bħala x’għandha tkun.  U ma daħlet qatt għaliex il-Parlament ivvota għal din il-liġi u din qatt ma ġiet kwalifikata.”  

L-Ispeaker qal ukoll li “meta ġejna biex nagħmlu l-kompożizzjoni tal-kumitat jien insistejt li minkejja li għandek il-Gvern b’maġġoranza u l-Oppożizzjoni b’minoranza – m’għandux ikun hemm riflessjoni, kif hemm fil-kumitat kollha, inkluż il-PAC, għax il-Gvern għandu maġġoranza hemm maġġoranza ta’ membri, u f’dan il-każ partikolari biex żgur ikun hemm consensus kemm jista’ jkun, ma jkunx hemm maġġoranza fil-kumitat riflessa skont il-maġġoranza tal-gvern u allura għandu jkun hemm l-istess ammont ta’ membri miż-żewġ naħat. Mela għandna Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li huwa uniku għax m’għandux riflessjoni. Meta ma jkunx hemm consensus imbagħad ikollu jiddeċiedi l-Ispeaker bil-casting vote. Il-casting vote għandu jkun wieħed motivat, mhux iva jew le, jew ’l hemmhekk jew ’l hawn, imma motivat.   Sabiħa?  Xejn mhi feliċi meta kulħadd jitfa’ kollox fuqek biex inti tiddeċiedi.  Din mhix xi ħaġa feliċi. Issa stajna morna għal sistema, li kien hemm min qed jaħseb fuqha, li ċ-Chairman ma jkollux il-casting vote, ma jkollux l-original vote u jkun hemm maġġoranza skont kemm għandu maġġoranza l-Gvern bħalma huwa l-PAC.  Jien ħassejt li m’għandux ikun hekk.  Ovvjament dan għadna kif tlaqna. Il-Kumitat u l-Kummissarju tal-Istandards għadna lanqas għalaqna sentejn mix-xogħol tiegħu jiġifieri wieħed irid jara kif għandu jiżviluppa aħjar il-mekkaniżmu ta’ dan kollu.”  

L-abbuż mill-privileġġ Parlamentari… immorru lejn dritt ta’ risposta miċ-ċittadini

Waqt l-attività Nazzjonalista, Dr. Anġlu Farrugia saħaq li “hemm i-kwistjoni tal-abbuż mill-privileġġ parlamentari.  Il-privileġġ parlamentari din is-sena ġie abbużat?  Kemm trid.  Il-privileġġ parlamentari jiġi abbużat minn Membri Parlamentari – ovvjament m’hemmx dak u l-ieħor – u bniedem li tkissru fil-Parlament ma jistax jiddefendi ruħu, u tkun qed tgħid affarijiet li mhux veritieri.  Fejn huma d-drittijiet tan-nies wara 100 sena ta’ Parlament,  li jkollu difiża biex dak li jkun qed jgħid il-Membru Parlamentari kontra tiegħu li ma jkunx veru, ma jistax imissu għax qiegħed fil-Parlament?  Il-privileġġ parlamentari qiegħed hemm biex inti ma tibżax tgħid il-verità. Dak huwa l-oriġini tiegħu u mhux biex inti tabbuża minnu biex tgħid li trid.  U din tapplika mhux biss għall-persuna imma anke għall-persuna ġuridika jew kumpanija. Tista’ tagħmel akkuża fuq kumpanija u tirrovinaha, toqtolha, tillikwidaha meta qed tgħid affarijiet fil-Parlament li mhumiex veru.   U l-kumpanija x’rimedju għandha?  Xejn. Qed nitkellmu li ċittadin jista’ jkolllu rimedju tramite l-Uffiċċju tal-Ispeaker jew mekkaniżmu ieħor fil-Parlament biex toħroġ il-verità. U fejn il-membru ma jiskużax ruħu ta’ dak in-nuqqas allura he will be named and shamed bħalma jagħmlu f’fora oħra fl-Awstralja, fi New Zealand u fora oħra.  Ikollna kontroversji? U mela ma jkollniex, mhux bilfors se jkollok kontroversji.  Inti semmejt l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia li bla dubju huwa kundannabbli minn fuq s’isfel.  Jien niftakar ukoll qtil politiku dikjarat mill-qorti tal-kuġina tiegħek Karen Grech u oħrajn.  Żgur li rridu nindirizzaw kull ħaġa flimkien.  U għalhekk l-unità” .

Ekonomija

Sport