Monday, June 8, 2026

Idendel kamera ma’ bini biex iġib prova li s-sieħba kellha raġel ieħor

Jammetti l-akkużi kontrih u jiġi kkundannat sentenza sospiża

Aqra wkoll

Raġel ta’ 51 sena residenti x-Xewkija tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li mingħajr il-kunsens tas-sieħba tiegħu xerred filmati sesswali tagħha. 

L-Ispettur Keith Xerri spjega fil-Qorti, li nhar is-6 ta’ Ġunju li għadda kien sar rapport minn mara u anke minn raġel fejn allegaw li l-imputat kien qiegħed ixerred filmati tal-mara u anke tagħhom waqt li kienu jagħmlu l-att sesswali.

Spjega li s-sieħba tal-imputat fil-passat kienet f’relazzjoni mar-raġel li għamel ir-rapport tant li minn din ir-relazzjoni kellhom wild. Ġara li dawn ma baqgħux flimkien u l-mara bdiet relazzjoni mal-imputat filwaqt li s-sieħeb tagħha beda relazzjoni ma’ mara oħra.

Wara xi żmien il-vittma mhux biss żammet kuntatt mal-eks sieħeb tagħha, iżda wkoll bdiet tiltaqa’ miegħu fejn lill-imputat dejjem qaltlu li kien għall-ġid tat-tifel.

L-imputat kellu suspett li mhux biss kienet qiegħda tilaqa’ mal-eks sieħeb tagħha minħabba t-tifel, iżda hija kienet f’relazzjoni sesswali miegħu. 

Għalhekk iddeċieda li jwaħħal kamera ma’ binja li għadha qiegħda tinbena u li minnha seta’ jara lis-sieħba tiegħu meta tkun fl-appartment mal-eks sieħeb tagħha.

Aktar minn hekk, l-imputat allegatament kellu rekordings tal-vittma waqt li kienet tkun qiegħda tagħmel is-sess miegħu. Hekk kif induna li s-sieħba tiegħu kienet reġgħet qiegħda f’relazzjoni mal-eks sieħeb tagħha, beda jxandar filmati u rekordings kemm mal-eks sieħeb tagħha u anke mal-imgħallem tax-xogħol tal-vittma.

Kien hawn li l-vittma u l-eks sieħeb għamlu rapport mal-pulizija.

L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi bil-qorti twissih li b’din l-ammissjoni se jkun qiegħed jinstab ħati. Iżda l-imputat wara li ngħata ċ-ċans li jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu reġa’ ammetta l-akkużi kollha kontrih.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech fuq l-ammissjoni tal-imputat sabu ħati tal-akkużi. Qabel ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti qieset l-ammissjoni kbirija tal-imputat u qieset li l-kondotta tiegħu hija nadifa ħlief għal inċident tat-traffiku. 

Kien għalhekk li l-Qorti kkundannatu sena ħabs sospiżi għal tliet snin u multa ta’ 150 ewro.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li d-difiża tmexxiet mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Maria Bartolo Demich.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport