Monday, June 8, 2026

BOV U ATTO JĠEDDU L-FTEHIM TA’ KOLLABORAZZJONI TAGĦHOM

Kollaborazzjoni li tirrifletti l-impenn tal-Bank li jkun ta’ spalla għal setturi essenzjali għall-ekonomija

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta (BOV) u l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers (ATTO) komplew isaħħu r-relazzjoni kummerċjali fit-tul tagħhom permezz tal-iffirmar ta’ Ftehim ġdid ta’ Kollaborazzjoni għas-sentejn li ġejjin. Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, u miċ-Chairman tal-ATTO Joseph Bugeja, fil-preżenza taċ-Chief Operations Officer tal-BOV Ernest Agius u l-Kap tal-Business Development & Customer Value Kenneth B Micallef,  flimkien ma’ membri tal-bord tal-ATTO u prattikanti tal-industrija. Il-ftehim sar fil-BOV Centre f’Santa Venera.

L-alleanza bejn il-Bank u l-ATTO tmur lura diversi snin. Dan il-ftehim huwa wieħed minn numru ta’ alleanzi kummerċjali li l-Bank stabbilixxa ma’ diversi organizzazzjonijiet f’setturi differenti, u jirrifletti l-impenn tiegħu li jappoġġja industriji u setturi li għandhom rwol kruċjali fil-ġid ekonomiku ta’ Malta.

Permezz ta’ dan il-ftehim mal-ATTO, il-BOV qed jappoġġja s-settur tal-loġistika u t-trasport f’Malta. Din il-kollaborazzjoni tgħin ukoll lill-Bank jifhem aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet speċifiċi tas-settur, u b’hekk ikun jista’ joffri soluzzjonijiet bħal finanzjament għall-kummerċ u pagamenti transkonfinali.

F’kumment dwar it-tiġdid tal-ftehim, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, innota li t-trasport għandu rwol kruċjali fl-industrija moderna u huwa kontributur ewlieni għal ħafna ekonomiji madwar id-dinja. “Il-BOV jibqa’ impenjat li jgħin lil dan is-settur fit-tranżazzjoni tiegħu lejn aktar effiċjenza u sostenibbiltà. Aħna nkomplu nipprovdu soluzzjonijiet ta’ finanzjament li jinkoraġġixxu investiment f’vetturi moderni, effiċjenti u ambjentalment responsabbli, biex jitnaqqas l-impatt ambjentali filwaqt li tiġi sostnuta l-vijabbiltà fit-tul u l-kompetittività tal-industrija,” qal is-Sur Farrugia.

Iċ-Chairman tal-ATTO, Joseph Bugeja, saħaq fuq l-importanza tal-industrija għall-ekonomija Maltija u enfasizza l-valur ta’ kollaborazzjonijiet li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur. Huwa rringrazzja lis-Sur Farrugia għall-appoġġ kontinwu tal-Bank u qal, “Dan il-ftehim isaħħaħ il-kapaċità tal-ATTO li tappoġġja pilastru ewlieni tas-settur tal-loġistika f’Malta, filwaqt li jiżgura konnettività affidabbli ta’ kuljum mal-Ewropa kontinentali.”

L-ATTO tirrappreżenta operaturi tal-loġistika f’Malta u għandha rwol vitali fil-konnessjoni ta’ Malta mas-swieq internazzjonali. Il-membri tal-ATTO huma responsabbli mit-trasport ta’ madwar 85% tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ Malta permezz tal-International Trailer Services. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport