Senglea Gunners rebħu l-MAFA KO meta fil-finali li ntlagħbet fil-grawnd ta’ Marsaxlokk, huma għelbu lil Għaxaq Wolves 2-1.
Din kienet logħba bejn l-aqwa żewġ timijiet li kellna fil-MAFA matul dan l-istaġun b’Għaxaq li spiċċaw champions u b’Senglea li minkejja li għadhom telgħin rebħu t-Twanny Agius Fair Play Cup u t-tazza tas-70 Anniversarju tal-MAFA.
Kienet logħba sabiħa b’Senglea li kienu kalmi ferm fl-azzjonijiet tagħhom filwaqt li bdew itellgħu kontrattakki perikolużi filwaqt li l-Għaxqin bdew jgħaġlu fl-azzjonijiet tagħhom bl-attakkanti li kienu mgħassa sew mid-difiża avversarja.
Senglea marru minn fuq fit-18-il minuta meta wara li Isaac Kwesi ħa ballun tajjeb f’nofs il-grawnd u kif wasal f’tarf il-kaxxa fajjar xutt li spiċċa fir-rokna tax-xibka sabiex għeleb lill-goalkeeper ta’ Għaxaq Lionel Martin.
Fit-tieni taqsima, il-Gunners rduppjaw l-iskor eżattament fis-57 minuta meta wara ġirja tajba, kien Christopher Philip Balotelli li kkonkluda tajjeb sabiex xeħet fix-xibka.
Erba’ minuti minn tmiem il-partita, Għaxaq Wolves naqqsu l-marġni tal-iskor hekk kif Stanimir Miloskovic bir-ras wara azzjoni ta’ corner għeleb lil Yves Bitseki.
Minkejja l-isforzi ta’ Għaxaq Wolves biex isalvaw ir-riżultat, is-Sengleani żammew sod sabiex ħarġu bir-rebħ tat-tielet unur tagħhom matul dan l-istaġun.
Fi tmiem il-konfront, is-segretarju tal-MAFA David Abdilla ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Senglea Gunners Etienne Farrugia.
Skor finali – Għaxaq Wolves 1 Senglea Gunners 2
Referee kien Paul Apap.


