Birkirkara AFC rebħu l-ewwel edizzjoni tal-ISFA Street Football Tournament meta fil-grawnd 3-a-side ta’ Buġibba għelbu lil Eagles bl-iskor ta’ 2-1.
Kienet logħba ferm bilanċjata bejn l-aqwa żewġ timijiet ta’ dan it-turnew għalkemm il-Karkariżi kienu aktar motivati sabiex jiksbu s-suċċess finali.
Chris Farrugia u Luke Urmani skorjaw il-gowls tar-rebbieħa b’Eagles li naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Adam Yusuf.
Birkirkara AFC kellhom lil Chris Farrugia, Luke Urmani, Jake Borg, James Brincat Almeida u Nigel Zammit Schembri filwaqt li Eagles kienu magħmula minn Nero Udezi, Samuel Olagunade, Daniel Eindiamen u Adam Yusuf.
Ir-referee tal-partita kien Henry Adjei.
Biex waslu sa din il-finali, Eagles għelbu lil Shooting Stars 4-2 filwaqt li Birkirkara kienu aħjar minn Blancos fis-semifinali hekk kif rebħulhom 4-1.
B’hekk Birkirkara AFC se jkunu l-ambaxxaturi Maltin għat-tazza tad-dinja tal-ISFA (International Street Football Association) li se ssir fl-Olanda bejn it-2 u s-7 ta’ Settembru li ġej.


