Issoktat il-ħidma wara r-raba’ rebħa elettorali storika tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali, li tfisser mhux biss kontinwità fit-tmexxija tal-pajjiż, imma wkoll aktar responsabbiltà sabiex jitkompla x-xogħol favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Wara l-fiduċja li l-poplu reġa’ ta lill-Gvern, issa hemm l-obbligu li jitkomplew jitwettqu r-riformi u l-investimenti li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Fost il-prijoritajiet ewlenin hemm it-tisħiħ tal-ekonomija sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol b’kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Nemmnu li huwa importanti wkoll li jibqa’ jsir investiment fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fis-servizzi soċjali biex ħadd ma jitħalla lura. Il-ħidma trid tkompli tiffoka wkoll fuq iż-żgħażagħ, il-pensjonanti u n-negozji ż-żgħar li huma parti importanti mill-iżvilupp tal-pajjiż.
Il-Kabinett li għadu kemm ħatar il-Prim Ministru Robert Abela huwa l-aktar kabinett żagħżugħ fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Dan hekk kif l-età medja fil-Kabinett hija ta’ 42 sena. B’kuntrast l-Kabinett li kien inħatar wara l-ewwel mandat mogħti lil Dr Robert Abela kien ta’ kważi 47 sena, filwaqt li dak maħtur wara l-ewwel mandat elettorali kien 43.
Nisħqu fuq il-fatt li huwa importanti li l-Gvern jibqa’ jisma’ mill-ħtiġijiet tal-familji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ, tal-anzjani u tan-negozji sabiex il-politika tibqa’ waħda viċin in-nies.
Il-fiduċja li jagħtu n-nies hija responsabbiltà kbira li titlob serjetà, impenn u trasparenza. Għalhekk, bħalma għamel fi snin preċedenti, il-Gvern għandu jkompli jaħdem biex iżomm l-ekonomija b’saħħitha filwaqt li jiżgura li l-ġid ekonomiku jasal għand kulħadd.
Barra minn hekk, meta Gvern jibqa’ jagħti prijorità lin-nies, ikun qed isaħħaħ is-sens ta’ stabbiltà u fiduċja fil-pajjiż. Dan jgħin biex Malta tibqa’ timxi ’l quddiem b’aktar investiment, aktar opportunitajiet u aktar għaqda soċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika għandha tkun dejjem dwar in-nies u l-ġid komuni tal-pajjiż kollu.


