Sitt xhur ħabs għal tliet żgħażagħ Sirjani fuq dokumenti foloz

Aqra wkoll

Tliet żgħażagħ Sirjani ntbagħtu sitt xhur ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja fuq akkużi relatati ma’ falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz.

Firas Ale ta’ 16-il sena, Muhamed Teqer ta’ 17-il sena u Muhamad Ahmed Sphat ta’ 23 sena kienu arrestati s-Sibt li għadda wara li pprovaw jitilqu mill-pajjiż b’dokumenti foloz.

Fil-Qorti, id-Difiża talbet għal divjet fuq isem tnejn minnhom billi kienu minorenni, bil-Maġistrat Astrid May Grima tiċħad it-talba fid-dawl li ma hemmx terzi persuni vittmi f’dan il-każ.

It-tliet imputati wieġbu ħatja għal żewġ akkużi minn tlieta. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputati kkoperaw mal-pulizija fejn saħansitra taw informazzjoni importanti u għalhekk talbet għal piena ta’ priġunerija fil-minimu tagħha.

Il-Qorti wara li rat id-dokumenti kollha u semgħet it-trattazzjoni finali tal-partijiet, sabithom ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontra tagħhom u kkundannathom sitt xhur priġunerija. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Abela. L-Avukat Ramon Bonett Sladden deher għat-tliet żgħażagħ Sirjani.

Sport