Saturday, November 23, 2024

Il-KE tfaħħar il-miżuri tal-Gvern Malti mmirati biex jissalvagwardjaw in-negozji, dawk li jaħdmu għal rashom u eluf ta’ impjegati

Aqra wkoll

Il-KE tapprova l-pakkett ta’ miżuri ekonomici ta’ €215 miljun mill-Gvern


Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskemi ta’ appoġġ ekonomiku mnedija mill-Gvern Malti biex jipproteġi l-impjiegi, in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom waqt li tkun ippreservata l-ekonomija. Fuq kollox, l-iktar sinifikanti hija l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea  tal-pakkett ta’ miżuri ekonomici ta’ €215 miljun sabiex jipprovdi s-Suppliment tal-Paga COVID-19  lill-impjegati b’salarju  ta’ € 800.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku tal-Gvern Malti bħala neċessarji, xierqa u proporzjonati biex tirrimedja l-impatt  fuq l-ekonomija ta’ stati membri f’konformità mal-Artikolu 107 (3) (b) tat-TFUE. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni approvat il-miżuri skond ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.

Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern Malti jilqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti lill-Gvern jintroduċi għotjiet diretti, kif ukoll self issussidjat li jippermetti stimolu ekonomiku li jerġa’ jġib l-ekonomija lura fuq saqajha.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea stess dwar il-mod kif il-Gvern Malti qed jindirizza l-impatt li ġabet magħha  l-pandemija COVID-19 hija ċertifikat ieħor għad-deċiżjonijiet ekonomiċi li rriżultaw f’surplus u żieda sinifikanti fid-dħul li jpoġġuna f’pożizzjoni tajba sabiex ngħinu lin-negozji u li jaħdmu għal rashom jiffaċċjaw din il-maltempata ekonomika bla preċedent.

“Bl-inqas rata ta’ dejn fost l-istati membri Ewropej u bl-ogħla tkabbir ekonomiku jpoġġu lil Malta f’vantaġġ meta mqabbel mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej għaliex dan jippermetti lil pajjiżna jerġa’ jibda l-attività ekonomika tiegħu minn pożizzjoni b’saħħitha”, qal il-Ministru Schembri.

Sport