Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-kickboxing?
Meta kelli xi għaxar snin kont ippruvajt diversi sports iżda meta kont mort għall-kickboxing, mill-ewwel ħassejt ġibda lejn dan l-isport. Dan grazzi wkoll għall-professjonalitá tal-klabb Team Noel fejn ħassejtni milqugħ mill-ewwel darba li dħalt fil-klabb – l-istess post li għadni nittrenja sa llum u lħaqt livell ta’ black belt.
X’suċċessi maġġuri ksibt f’dan l isport kemm fuq bażi lokali kif ukoll fix- xena internazzjonali, fosthom riċentement?
Lokalment irbaħt it-titlu ta’ Champion ta’ Malta darbtejn fil-kategorija -60kg / 15-17-il sena. Fl-2024 kelli l-unur li tawni l-opportunitá ta’ Gladiators Title Fight kontra atleta Taljan b’aktar esperjenza minni fejn irnexxieli nirbaħha u ppreżentawni bil-Gladiators Title Belt. Dan kien mument li ma ninsa qatt għax kien l-ewwel ċintorin tiegħi, grazzi dejjem għall-Gladiator Promotions.
Barra minn Malta fl-2023 tlajt nirrappreżenta lil Malta fl-ISKA World Championships ġewwa l-Ġermanja fejn inżilt b’midajla tal-bronż fil-Muay Thai. Din kienet esperjenza li tgħallimt ħafna minnha.
F’Ottubru tal-2024 ergajt ikkwallifikajt biex nieħu sehem fl-ISKA World Championships ġewwa l-Awstrija fejn irbaħt sitt ‘fights’ u rnexxieli nasal sal-finali fil-kategorija tal-kickboxing.
Kif tqis il-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna?
Il-kickboxing Malta hawn livell għoli ferm fejn juru wkoll il-midalji li jirnexxielna nġibu bħala pajjiż f’kompetizzjonijet internazzjonali. Fl-aħħar Kampjonat Mondjali Malta ġibna 13- il midalja. Ta’ min jgħid li dawn huma numru sostanzajli meta tqis li kien hemm aktar minn 1000 atleta barranin jieħdu sehem.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Jien nitħarreġ ma’ Team Noel, il-Fgura, fejn Master Noel Mercieca huwa l-kowċ tiegħi. F’dan il-klabb hemm tagħlim, dixxiplina, serjetá kif ukoll atmosfera ta’ familja. Huwa wkoll attrezzat b’apparat modern. Master Noel jorganizzana seminars ukoll ma’ ‘fighters’ kbar bħal Jonathan Haggerty, Liam Harrison u diversi oħrajn. Il-kompetizzjonijiet ikunu taħt l-awspiċi tal-assoċjazzjoni MKBA fejn din is-sena se jkun hawn ukoll l-ISKA European Championships bejn id-9 u t-12 ta’ April ġewwa l-Malta Film Studios, il-Kalkara. Ikun hawn ukoll diversi ‘fight nights’ ta’ livell għoli organizzati minn Gladiator Promotions.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Fit-22 ta Frar għandi ġlieda kontra t-Taljan li kont iġġilidt miegħu meta rbaħt il-Gladiators title, fejn dan talab ‘re-match’. Wara, fid-9 ta’ April se nieħu sehem fl-ISKA European Championships. Aktar ma mmur tajjeb f’ dawn il-kampjonati, aktar ikolli stediniet għal avvenimenti barra minn Malta fejn il-preġju huwa kbir jekk jirnexxielek tirbaħ barra mill-pajjiż.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-kickboxing.
Nixtieq ngħaddi messaġġ li dan mhuwiex xi sport vjolenti kif jaħsbu ħafna. Anzi huwa sport li jagħtik ħafna sodisfazzjon u li jrabbilek dixxiplina, kunfidenza u jżommok ‘il bogħod mill-vizzji. Jien nirrakkomanda li jiġu jippruvaw … il-bieb tal-klabb huwa dejjem miftuħ għal kulħadd!