Minn Cristian Muscat
VALLETTA…………..2
BALZAN……………. 2
Valletta u Balzan temmew fi draw ta’ 2-2 f’konfront mill-aktar kumbattut, li fih Balzan ħadu vantaġġ ta’ żewġ goals, iżda Valletta rnexxielhom jirkupraw u jġibu d-draw fit-tieni taqsima wara li Balzan tkeċċielhom player.
B’hekk, il-Beltin telgħu fit-tieni post flimkien ma’ Floriana u Mosta.
Balzan fetħu l-iskor wara biss ħames minuti logħob. Minn azzjoni ta’ corner, Lucas Macula sab ruħu f’pożizzjoni tajba u tefa’ l-ballun fix-xibka minn ftit passi bogħod. Sitt minuti wara, Balzan ingħataw penalty li Awosanya twaqqa’ fil-kaxxa.
Valletta appellaw għall-intervent tal-FVS iżda d-deċiżjoni ġiet konfermata u l-istess Dimeji Awosanya ma żbaljax mill-11-il metru biex għamilhom 2-0.
Balzan komplew joħolqu l-periklu u kellhom diversi opportunitajiet biex iżidu l-vantaġġ.
Madankollu, qabel il-mistrieħ Valletta rnexxielhom jidħlu lura fil-logħba. Wara corner, Alex Gomes de Aguiar irnexxielu jitfa’ l-ballun fix-xibka biex naqqas id-distakk għal 2-1.
Fit-48 minuta, Balzan sofrew daqqa ta’ ħarta meta Zachary Grech irċieva t-tieni karta safra għal foul fuq Neil Anthony Micallef u tkeċċa. Minkejja l-inferjorità numerika, Balzan żammew sod għal diversi minuti.
Iżda Valletta bdew iżidu l-pressjoni u kellhom numru ta’ opportunitajiet.
Fl-74 minuta, Roko Prsa rnexxielu jiskorja wara li antiċipa cross bir-ras minn fuq ix-xellug. Il-goal inizjalment ġie annullat minħabba offside, iżda wara reviżjoni tal-FVS, ir-referee Ezekiel Barbara biddel id-deċiżjoni u l-goal ġie konvalidat.
Fl-aħħar kwarta, Valletta komplew ifittxu r-rebħa, iżda Balzan irnexxielhom jiddefendu l-punt. Minkejja aktar tentattivi mill-Beltin fil-ħin miżjud, fosthom permezz ta’ Diogo Tavares, Bruno Gomes u Keyon Ewurum iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx sas-suffara finali.
B’hekk, il-logħba ntemmet 2-2, b’Balzan diżappuntati li tilfu vantaġġ ta’ żewġ goals, filwaqt li Valletta jistgħu jkunu sodisfatti bir-rimonta tagħhom minkejja li damu jiffaċċjaw avversarju b’għaxar players.
Valletta: Adilson Aguero Dos Santos, Mattias Ellul (Thaylor Aldama 46), Andrea Zammit (Keyon Ewurum 70), Jake Azzopardi (Brandon Diego Paiber 53), Diogo Joao De Figueiredo Tavares, Roko Prsa, Petar Sekulovic (Mohamad Sylla 53), Alex De Aguiar Gomes (Bruno Gomes de Oliveira Conceicao 81), Moise Emmanuel Mbende, Neil Anthony Micallef, Sava Radic – Coach: Thane Micallef
Balzan: Manuel Issufe Djalo, Samir Arab, Nicholas Pulis, Lucas Ribeiro De Oliveira (Mohammed Marzuq Yahaya 76), Oluwatobiloba Dimeji Awosanya, Sekala Siolklon Amiel Guehi, Ederson Bruno Domingos, Luis Gabriel Santos Silva, Zachary Grech, Yuel Kuach (Nicola Doric 51), Joaquim Da Silva Leonardo Fernandes – Coach: Andrew Cohen
Referee: Ezekiel Barbara
assistenti: Luke Portelli, Andrea Pavia Schiavone
Raba’ Uff.: Joseph Scerri
Skorers: L. Ribeiro De Oliveira 6, O. Awosanya 14 pen (B); A. De Aguiar 45, R. Prsa 76 (V)
Ammoniti: P. Sekulovic, R. Prsa (V); Z. Grech, L. Joaquim Da Silva, S. Arab, N. Pulis, Z. Grech, S. Guehi (B)
Tkeċċa: Z. Grech 48 (B)
Player tal-Logħba: Lucas Ribeiro De Oliveira (Balzan)




