Friday, December 20, 2024

Il-Komunità Politika Ewropea

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fis-6 ta’ Settembru li għadda ġie mniedi proġett politiku ġdid ġewwa l-Ewropa. Dan ingħata l-isem ta’ Komunità Politika Ewropea u huwa l-ħolqien ta’ Emmanuel Macron, il-President ta’ Franza u d-de factum mexxej tal-Unjoni Ewropea wara Angela Merkel. 

Minkejja l-ħafna xettiċiżmu fuq dan il-proġett, jekk xejn, l-ewwel sessjoni li għadha kemm saret ġewwa Praga rnexxielha tressaq lejn l-Unjoni Ewropea pajjiżi li jew huma miksurin jew għandhom relazzjoni pjuttost bierda mal-istess Unjoni Ewropea. L-aktar li spikkat kienet l-attendenza ta’ Liz Truss, il-Prim Ministru Ingliż u tad-delegazzjoni Torka li għal ragunijiet differenti kienet tbegħdu mill-Unjoni Ewropea. Fih ipparteċipa wkoll, permezz ta’ kollegament bl-internet, Volodymyr Zelenskyy, il-President tal-Ukrajna.

X’inhi eżatt il-Komunità Politika Ewropea?

Meta aktar kmieni din is-sena, Emmanuel Macron kien beda jimbotta din l-idea, huwa kien iddeskrivieha bħala forum ġdid li ġewwa fih, il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, jiġifieri anke dawk li mhumiex fost is-27 membru tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiddiskutu fuq temi politiċi li huma ta’ interess komuni għalihom kollha. Fil-fatt, f’Mejju li għadda, waqt li kien qiegħed jagħmel preżentazzjoni fuq il-Komunità Politika Ewropea fil-Parlament Ewropew, il-President Franċiż kien semma temi bħas-sigurtà, l-enerġija, it-transport u l-moviment tal-persuni bħala temi li jistgħu jiġu diskussi ġewwa dan il-forum li huwa kien qiegħed jipproponi.

Minkejja din id-definizzjoni ta’ Macron, sa issa għad hemm ħafna dubji rigward l-irwol li sejra jkollha din l-għaqda politika ġdida, jekk fuq kollox nistgħu nsejhulha hekk. Sa ċertu punt, mid-dikjarazzjonijiet li saru mill-mexxejja tal-pajjiżi li ħadu sehem, hekk kif intemmet l-ewwel sessjoni tagħha, aktar ħareġ ċar x’mhijiex mistennija tkun din l-għaqda milli x’sejra tkun eżatt.

Fil-fatt, sa issa, nafu li żgur mhijiex sejra tkun xi sostitut tan-NATO. Dan il-fatt ħareġ ċar anke mill-mod ta’ kif xi pajjiżi li ħadu sehem fil-laqgħat ta’ Praga, l-aktar dawk membri tal-Unjoni Ewropea, qaghdu hafna attenti kif jittrattaw il-tema tas-sigurtà ġewwa l-Ewropa.

Minkejja li kien hemm xi żmien li kien qiegħed jiġi ssuspettat li Macron kien qiegħed jimbotta l-ħolqien ta’ din l-ghaqda sabiex isservi sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tingħata appoġġ formali mill-Unjoni Ewropea mingġħajr ma jkollha l-approvazzjoni tal-proċess sabiex issir membru sħiħ approvat, suspett li issa spiċċa għalkollox minħabba li l-Ukrajna kellha l-applikazzjoni ghat-tnedijja ta’ dan il-proċess approvat, issa nafu wkoll li din l-għaqda mhijiex sejra sservi ta’ antiporta għad-dħul ta’ diversi pajjiżi li llum għexieren ta’ snin jistennew li jiddaħħlu bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

Skont xi mexxeja li ħadu sehem f’dan il-forum, b’Liz Truss fuq quddiem, din l-għaqda mhijiex sejra tkun iddominata mill-Unjoni Ewropea, għalkemm ta’ min jgħid li minġabba li kien l-għaqda għadha mingħajr l-istrutturi sabiex tiffunzjona kif suppost, din użat diversi riżorsi tal-istess Unjoni Ewropea sabiex appuntu ġiet organizzata l-ewwel sessjoni ġewa r-Republika Ċeka. Fil-fatt, l-inviti lill-mexxeja Ewropej sabiex jattendu għal-laqgħa ta’ ftit jiem ilu, kienu ntbagħtu minn ħadd ħlief Charles Michel, li huwa l-President tal-Kunsill Ewropew.

Truss tdiddel il-ħsieb

Sa ftit qabel il-jum li fih kellha ssir l-ewwel laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea, il-preżenza ta’ Liz Truss, il-Prim Ministru Ingliż, kienet għadha dubjuża, minkejja li Boris Johnson, il-predeċessur tagħha kien tant kien favur ta’ din l-għaqda ġdida li kważi kien pprova jieħu l-mertu tat-twaqqif tagħha. 

Wisq probabbli Truss kienet qiegħda tistenna li tgħaddi l-elezzjoni għall-ħatra tal-mexxej tal-Partit konservattiv sabiex tikkonferma l-preżenza tagħha. Dan minħabba li ħewwa hdan il-Partit Konservattiv Ingliż għad hemm element qawwi ta’ oppożizzjoni għal dak kollu li joriġina minn Franza. Dan kollu ġej mill-istorja tar-Renju Unit li matul is-sekli kien l-għadu numru wieħed tal-istess Franza.

X’sar fil-laqgħa ta’ Praga?

Milli jidher, dan is-summit diġà ħalla xi frott minħabba li għall-anqas ressaq lir-Renju Unit xi ftit lejn l-Unjoni Ewropea minħabba li fih intlaħaq xi tfehim fuq kwistjonijiet bħall-immaniġġjar ta’ opri tal-baħar żgħar bejn Franza u l-Ingilterra. Dan jawgura tajjeb għall-eżitu ta’ negozjati li għadhom għaddejjin fuq temi ħafna aktar jaħarqu ta’ żmien Brexit li għadhom ma ssolvewx bejn l-Ingilterra u l-Unjoni Ewropea. L-aktar tilwima li għadha trid tissolva hija dik rigward l-Irlanda ta’ Fuq.

Fuq kollox, dan is-summit serva sabiex jagħti messaġġ b’saħħtu ta’ appoġġ lill-Ukrajna f’dan il-mument daqshekk diffiċli. Matul l-intervent tieghu li semmejna aktar ‘il fuq, il-President Zelensky qal li permezz ta’ din l-għaqda ġdida, l-Ewropa u l-Ukrajna qegħdin f’pożizzjoni ħafna aktar b’saħħitha sabiex tintemm il-gwerra. 

Matul dawn il-laqgħat sar ħafna aktar tibdil ta’ ideat bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra li ħadu sehem li minbarra r-Renju Unit kienu jinkludu wkoll lill-Iżvizzera, l-Islanda, il-Georgia, l-Ażerbajġan, pajjiżi mill-Balkani kif ukoll it-Turkija u n-Norvegja, bil-preżenza ta’ dawn l-aħħar tnejn tkun ta’ importanti kbira. Dan minħabba li n-Norveġja huwa pajjiż li jista’ jgħin ħafna lill-pajjiżi l-oħra minħabba l-krizi tal-energija filwaqt li t-Turkija għadha ma ddikjaratx ruħha kompletament kontra Vladimir Putin.

Is-suċċess ta’ din l-ewwel laqgħa ġewwa hdan din l-ghaqda politika gdida jista’ jibda jitkejjel minn meta sejra ssir it-tieni laqgha li mistennija ssir gewwa l-Moldova, pajjiż li flimkien mal-Ukrajna bdiet in-negozjati sabiex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Jekk din issir fi żmien qasir, dan jindika li l-membri qegħdin ifittxu dan il-forum sabiex jiddiskutu ma xulxin. Minn jaf jekk il-ħolma ta’ Macron twassalx sal-aktar laqgħa li hija mistennija fil-kalendarju ta’ din l-għaqda jiġifieri r-raba’ wahda li hija skedata li ssir ġewwa l-Ingilterra? 

Ekonomija

Sport