Sunday, December 22, 2024

IL-KONFORMIŻMU

Aqra wkoll

Il-Maltin huma poplu ta’ konformisti? Kienet il-mistoqsija pjuttost stramba li poġġieli ħabib li kien ili ma nara għal ħafna snin li bosta minnhom hu qatta barra. Qabel telaq minn Malta ma kellux il-fama ta’ xi revoluzzjonarju u wara, dwaru ma smajna l-ebda storja ta’ xi attiviżmu radikali, lejn il-lemin jew ix-xellug.

Saqsejtu x’kellu f’moħħu. Fhimt li bħal kull Malti li jiġi lura fil-pajjiż wara snin barra, kien għadu jrid jaddatta għad-drawwiet “tagħna”.

Qal: M’inix nifhem kif isiru l-affarijiet hawn. Naħseb ilu ħafna kont naf, imma issa bilfors insejt. Għax kull fejn tmur u ma’ kull min tkun, tisma’ kummenti dwar il-ħtieġa li r-regoli u l-liġijiet jiġu inforzati kif imiss. Donnu li kulħadd jaqbel magħhom imma mbagħad ħadd ma jirrispettahom. Wisq anqas jiġu inforzati.

Għedtlu: X’għandu x’jaqsam dan mal-konformiżmu? Semmejtlu r-rumanz kbir Il Conformista ta’ Moravia biex infissirlu kif kien qed iħawwad.

Ma impressjonax ruħu. Il-veri konformisti, qal, jaqblu ma’ dak li jaqblu miegħu għax jafu li mhux se jkollhom għalfejn jagħtu kasu.

L-ISTORJA TAĦT L-INGLIŻI

Ma teżistix storja ta’ Malta taħt l-Ingliżi miktuba b’mod li jintwerew sew l-iżviluppi li seħħew fi ħdan is-soċjetà Maltija meta kienet ħolqa fil-katina imperjali li r-Renju Unit dawwar madwar id-dinja. Xi kultant wieħed jitħajjar jaħseb li wara l-ktieb ta’ A. V. Laferla British Malta ftit li xejn saru kitbiet sintetiċi u sostnuti dwar is-suġġett. Biex wieħed ikun onest imma mhux kattiv, jista’ jgħid li l-ktieb ta’ Laferla ma jagħtix l-istorja kollha.

Forsi hawn iqum l-argument li l-istess ħaġa trid tintqal dwar is-sekli li Malta għaddiet taħt it-tmexxija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Wisq ta’ spiss, l-istorja tal-gżejjer tagħna baqgħet tippernja madwar il-lista tal-personalitajiet li ħakmuha u min kienu.

PAJJIŻI ŻGĦAR

X’jikkostitwixxi pajjiż ċkejken biex jitqies ċkejken? Kelli nistaqsi lili nnifsi din il-mistoqsija dan l-aħħar waqt li qrajt ktieb dwar il-pajjiżi ċkejkna u s-suċċess li jista’ jkollhom.

Dwar Malta jew Ċipru, per eżempju, ftit jista’ jkun hemm dubju dwar li huma stati ċkejkna, kemm mid-daqs tat-territorju li jkopru, kemm mill-popolazzjoni. Anzi, jikkwalifikaw bħala stati “mikro”. Biss imbagħad bħala daqs ta’ popolazzjoni jew f’kejl tal-art, pajjiż bħall-Irlanda jew l-Isvizzera jikkwalifkaw bħala “ċkejkna”?

F’moħħna, hemm l-idea li l-ġrajjiet fid-dinja huma dominati mill-pajjiżi l-kbar jew kbar nett. Kemm hu minnu dan? Għax jekk fost iċ-ċkejkna jidħlu pajjiżi bħall-Irlanda eċċ., dawn x’aktarx jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Ġnus Magħquda. Dil-maġġoranza qed tissarraf f’xi saħħa diplomatika? Tista’ tissarraf? Jekk iva, kif?

Ekonomija

Sport