Sunday, December 22, 2024

IL-KONSEGWENZI LI JĠIB MIEGĦU ĠUDIZZJU BLA BŻONN

Aqra wkoll

Għeżież qarrejja, nittama li tinsabu tajbin. Dan li qed nikteb fuqu llum għandu effett qawwi fuq is-soċjetà. Sfortunatament meta wieħed jagħmel ġudizzju fuq persuna oħra specjalment jekk dak li jkun qed ixerred ma jkunx veritier jista’ jweġġa’ u jkun perikoluż. Saħansitra sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Għalhekk wieħed għandu jqis diskorsu sabiex ikun evitat dan kollu.

Meta persuna tkun fid-dawl ta’ xi aġenda partikolari, spiss insibu min jehda jitkellem u jifli u jgħid tiegħu fuq dak li jkun għaddej madwarna. Id-diskors meta mwassal minn persuna għal oħra jaf jie]u tifsira oħra tant li kważi ma jkunx fiha l-istess kontenut. Għaldaqstant il-fatti jistgħu jiġu mgħawġa u l-messaġġ ma jasalx kif għandu jasal b’konsegwenza li jista’ jintefa’ dawl ikraħ fuq dik il-persuna li nkunu qegħdin ngħidu fuqha. Apparti minn hekk huwa diffiċli li jkollna l-istampa kollha ta’ dak li jkun għaddej u minn xiex din il-persuna tkun għaddejja. Għalhekk, lanqas nirrealizzaw li nkunu qegħdin nkomplu ngħarrqu lill-persuna. 

Mill-aspett psikoloġiku, min ibati minn dawn il-konsegwenzi jħossu mkisser u ma’ jkunx faċli għalih biex ikompli bir-rutina tal-ħajja tiegħu b’mod normali. Tajjeb li naħsbu ftit qabel ma’ nwasslu messaġġ fuq persuna oħra u fuq il-ġid jew aktarx deni li jista jseħħ. Tajjeb ukoll li naraw fil-verità x’ se niggwadanjaw u x’jista’ jitjieb fil-ħajja ta’ ħaddieħor b’dan li se ngħidu.

Ħbieb kemm hu għaqli li naħsbu x’se ngħidu. Jien fil-professjoni ta’ psikologa ltqajt ma’ sitwazzjonijiet ta’ persuni vittmi tal-għidut u preġudizzju. Il-persuna li ssofri minn dan kollu tispiċċa titkisser u mhux faċli toħroġ minn sitwazzjoni ta’ dan it-tip. Għaldaqstant nerġa’ ntenni sabiex qabel nitkellmu nqisu dak li se ngħidu. Permezz t’hekk mingħajr ma’ nafu nkunu qegħdin nghinu sabiex ikollna soċjetà aktar b’saħħitha u aktar pożitiva. Tajjeb li nħallu f’idejn min hu xogħlu li jiġġudika lill-persuna, jekk ikun il-każ. 

Tajjeb niftakru illi aħna lkoll umani u kollha suxxettibli għal-iżball. Kif jgħid il-qawl malti, li mis-sema ‘l isfel kulħadd xorta. Qiegħda ngħid dan kollu b’mod ġenerali u ma jien qed nirreferi għal ebda każ partikolari, però ħassejt li kelli naqsam dan il-ħsieb magħkom, għaliex naf il-ġid li jista’ joħroġ meta aħna noqogħdu aktar kawti u attenti kif inġibu ruħna. Dan kollu jdur mar-rispett li jħaddan il-bniedem. 

Persuna turi l-kwalitajiet tajbin tagħha meta fil-ħajja tagħha tqis qisha u tieħu ħsieb li terfa s-salib tagħha u mhux dak ta’ ħaddieħor. Nifhem li dan li qed ngħid huwa parti mil-kultura li aħna nħaddnu bħala poplu. Iżda apparti hekk aħna mgħallmin ukoll sabiex nirrispettaw lill-proxxmu u meta naġixxu b’dan il-mod nkunu qegħdin immorru kontra dan it-tagħlim.

Għaldaqstant nagħlaq dawn il-kelmtejn b’dan il-parir, kelma nieqsa aħjar minn kelma żejda, għax bla ma nindunaw inkunu qed nagħmlu ħafna ġid lilna u lil dawk ta’ madwarna.

Dr Katya De Giovanni

Psikologa u Membru Parlamentari

Ekonomija

Sport